In-Nutar Għawdxi bil-linka u l-akkwarelli

Ġie ppubblikat katalgu sħiħ f’edizzjoni limitata bid-disinni tal-linka u akkwarelli storiċi tan-Nutar Għawdxi Antonio Portelli.
L-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex ħareġ ukoll edizzjoni limitata ta’ mitt sett, li kull wieħed fih pakkett speċjali ta’ 10 kartolini, bl-iktar 10 akkwarelli impressjonanti li ħarġu minn id in-Nutar.
Fl-istess Arkivji fi Triq il-Vajrinġa, il-Belt Victoria mistennija tinfetaħ wirja Illustrazzjonijiet Storiċi fl-Atti tan-Nutar Antonio Portelli, bejn il-Ħamis 22 ta’ Marzu u l-Ġimgħa 20 ta’ April.  Il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu mit-Tnejn sas-Sibt, bejn it-8.30am u n-12.30pm, minbarra l-festi pubbliċi.  Id-dħul huwa b’xejn.
In-Nutar Antonio Portelli twieled ir-Rabat, Għawdex fl-1 ta’ Marzu 1809, iżżewweġ darbtejn, u miet fl-età ta’ 67 sena fil-21 ta’ Jannar 1877. Hu pprattika l-professjoni tiegħu f’Għawdex bejn l-1839 u l-1877. Kien iqatta’ l-ħin liberu tiegħu jżejjen il-paġni ta’ quddiem ta’ xi wħud mill-volumi notarili tiegħu b’disinni tal-linka u akkwarelli. L-aktar ħaġa interessanti dwar dawn l-illustrazzjonijiet tiegħu hi li jirriflettu xeni u ġrajjiet ta’ żmienu.
L-akkwarelli tiegħu b’xeni minn Għawdex jinkludu dehra taċ-Ċittadella fl-1842; żewġ veduti ta’ Ħaġret il-Ġeneral fid-Dwejra, bl-aċċess lejn il-Blata permezz ta’ kaxxa miġbuda fuq ħabel, li kienet għadha tintuża sas-snin bikrin tal-1840; it-Tempji tal-Ġgantija parzjalment skavati fl-1844; purċissjoni ta’ funeral fl-okkażjoni tal-imxija tal-kolera tal-1850; u l-Fanal ta’ Ġurdan fl-1853, is-sena li fiha ġie inawgurat.
Wieħed mill-akkwarelli eċċezzjonali tiegħu jagħti kważi ritratt tal-ewwel Wirja Agrarja u Industrijali organizzata fl-14 u l-15 ta’ Awwissu 1855 – magħrufa sal-lum bl-isem oriġinali tagħha ta’ Il-Wirja ta’ Santa Marija.
Akkwarell ieħor juri mara Għawdxija qed taħdem disinn wiesa’ tal-bizzilla fuq trajbu li jidher iserraħ ma’ zokk ta’ siġra; dan tpitter fl-1852 meta l-industrija kienet bdiet taqbad l-art.
Żewġ akkwarelli jirreferu għal ġrajjiet internazzjonali: ir-ritorn tal-Papa Piju IX f’Ruma u t-trijonf fuq it-trijumverat li kien keċċieh ’il barra mill-Belt eterna; kif ukoll il-patt militari bejn l-Ingliżi, il-Franċiżi u l-Imperu Ottoman kontra l-Imperu Russu, f’dik li hi magħrufa aħjar bħala l-Gwerra tal-Krimea.