“In-nuqqasijiet fis-sistema Maltija ppersistew” – S&P

Read in English.

In-nuqqasijiet fil-kontabilità u t-trasparenza fl-istituzzjonijiet Maltin ippersistew, hekk qalet l-aġenzija tal-credit rating S&P fl-aħħar rapport tagħha dwar Malta. Fir-rapport ippubblikat ġie analiżżat l-effetti li għadhom jinħassu wara l-iskandlu tal-Pilatus Bank, l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u l-attakk ċibernetiku fuq il-BOV.

L-aġenzija tat A- fir-rating tagħha lil Malta.

Pilatus Bank

Fir-rapport tniżżel x’ġara fil-każ tal-Pilatus Bank u l-arrest tas-sid Ali Sadr Hasheminejad fl-Amerika. L-aġenzija sostniet li dan l-avveniment fost affarijiet oħra wassal biex il-pajjiż jispiċċa taħt skrutinju mill-qrib kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

L-EBA fl-aħħar xhur kkonkludiet investigazzjoni formali fil-ħidma tal-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU. Ir-rapport innota li l-EBA kienet qalet li l-FIAU ma ħaditx biżżejjed azzjoni fil-konfront tal-Pilatus Bank biex ikun assigurat li dan qed jopera skont ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus.

Il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment

L-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment għandha tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni fiskali tal-Gvern, iżda mhux bl-istess rittmu tal-passat. Il-qliegħ mill-IIP huwa stimat li jlaħħaq 4.5% tal-Prodott Domestiku Gross bejn is-snin 2014-2017.

Skont it-tbassir li sar mill-aġenzija s-surplus tal-gvern se jkun ftit inqas minn 1% tal-Prodott Domestiku Gross bejn is-snin 2019 – 2022.

Il-banek kummerċjali f’Malta

Ir-rapport josserva li l-attakk ċibernetiku fuq il-Bank of Valletta li seħħ fi Frar li għadda qajjem tħassib dwar ir-riskji li potenzjalment jeżistu għar-reputazzjoni tas-sistema finanzjarja Maltija.

Madwar €13 miljun kienu ġew trasferriti f’ewro u d-dollar f’kontijiet u banek oħra. Dakinhar il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li l-attakk fuq il-BOV kellu riperkussjonijiet fuq l-ekonomija.

L-aġenzija qalet li tqis il-konċentrazzjoni tas-self ma’ żewġ banek biss bħala riskju għas-sistema finanzjarja. Innutat ukoll li l-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali investa kemm fil-Bank of Valletta u fil-Lombard Bank.

L-aġenzija qed tbassar li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jkollu medja ta’ 4% għas-snin 2019-2022 filwaqt li dejn tal-gvern meta kkumparat mal-Prodott Domestiku Gross se jonqos.

L-ekonomija ta’ Malta hi waħda żgħira u miftuħa. Dan jagħmilha iktar vulnerabbli f’każ ta’ tibdil fis-swieq finanzjarji kif ukoll xokkijiet oħra fis-swieq bħal pereżempju Brexit meta kkumparata ma’ pajjiżi oħra, jgħid ir-rapport.