In-nuqqas ta’ piloti diskuss fil-BOV Aviation Outlook

Il-BOV tellgħet is-seba’ edizzjoni tal-BOV Aviation Outlook 2018 fejn ġiet diskussa l-konnettività reġjonali, Brexit u l-iskarsezza tal-piloti.
Għal din il-konferenza attendew 40 kumpanija u entità involuti fis-settur tal-avjazzjoni lokali.
Il-konferenza indirizzaha Kenneth Farrugia, iċ-Chief Business Development Officer tal-BOV. Huwa spjega kif il-ħaddiema għandhom il-kompetenzi meħtieġa fl-industrija tal-avjazzjoni u jimxu id f’id fi kwalunkwe aspett tal-intrapriża.
L-Ewwel Uffiċjal tal-Air Malta Kristian Farrugia, iddiskuta l-implikazzjonijiet ta’ Brexit fuq l-industrija u spjega kif hemm interess qawwi mil-linji tal-ajru rreġistrati fir-Renju Unit sabiex jiksbu AOC European, biex il-ħidma tagħhom ma jiġux imfixkla xħin ir-Renju Unit tħalli l-Ewropa.
Il-bdot Norman D’Amato, pijunier tal-avjazzjoni Malti, irrimarka l-possibiltà ta’ skarzezza imminenti ta’ piloti. Qal li l-għadd ta’ passiġġieri mistenni jirdoppja sal-2036 u li l-isforz ta’ reklutaġġ mad-dinja kollha laħaq livell mingħajr preċedent.
Fi tmiem il-konferenza ngħataw il-BOV Aviation Awards lil individwi jew organizzazzjonijiet li kellhom impatt fuq l-industrija lokali tal-avjazzjoni.