In-nuqqas ta’ eżerċizzju joqtol iktar mill-ħxuna

In-nuqqas ta’ eżerċizzju qiegħed joqtol darbtejn iktar nies fl-Ewropa mill-obeżità.
Hekk joħroġ minn studju tal-Università ta’ Cambridge, li dam għaddej 12-il sena, u li evalwa 334,000 ruħ fl-Ewropa.
Tul is-snin tal-istudju, ir-riċerkaturi sabu li n-nuqqas ta’ eżerċizzju kien il-kaġun li mietu 676,000 ruħ waqt li 337,000 oħra mietu minħabba li kienu ħoxnin iżżejjed.
Waqt li l-ħxuna żejda timxi id f’id man-nuqqas t’attività fiżika, ir-riċerkaturi sabu li persuni rqaq ukoll huma f’riskju jekk ma jagħmlu ebda tip ta’ eżerċizzju.
Skont il-Professur Ulf Ekelund, li wettaq ir-riċerka, is-soluzzjoni hi waħda faċli. Biżżejjed mixja mgħaġġla ta’ 20 minuta kuljum biex dak li jkun inaqqas ir-riskju.