In-nuqqas ta’ EpiPens madwar id-dinja affettwa lil Malta

In-nuqqas ta’ EpiPens madwar id-dinja affettwa wkoll lil Malta.

Fil-bidu ta’ Diċembru, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-EpiPen mhux prodott li jinsab fuq il-formularju tal-Gvern iżda jkun irid jinxtara mill-ispiżeriji privati.

“Il-Ministeru għas-Saħħa jinsab infurmat li fl-aħħar jiem kien hawn skarsezza internazzjonali ta’ dan il-prodott. Madankollu anke grazzi tal-għajnuna li l-Ministeru għas-Saħħa ta lill-aġenti lokali, ninsabu infurmati li l-aġenti lokali se jkollhom kunsinja ta’ EpiPen’s fil-jiem li ġejjin,” qalet il-kelliema.

F’Ottubru, is-Servizz tas-Saħħa tar-Renju Unit bagħat ittra lil dawk il-persuni li jużaw l-EpiPen minħabba n-nuqqas tal-prodott.

L-EpiPen hija injection li fiha kimika li traqqaq il-vini u li tiftaħ il-pulmun. Din tingħata lil persuna li tkun qed issofri xi allerġija serja tant li ma tkunx tista’ tieħu nifs sew, fost sintomi oħra.