In-nuqqas ta’ demm jista’ tfisser bejn ħajja u mewt

Is-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm qal li l-inċident kbir ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien eżempju ieħor ċar tal-importanza li dejjem u f’kull waqt ikun hawn riserva tajba ta’ demm.
Spjega li dan aktar u aktar meta wieħed jiftakar li waqt li jseħħu l-inċidenti bil-lejl, is-siti għall-għoti tad-demm ikunu magħluqa.
Qal li wieħed irid jifhem li kull donazzjoni tad-demm trid tgħaddi minn proċess li jieħu diversi sigħat qabel ma tkun iċċertifikata li tista’ tingħata lill-pazjent.
Is-Servizz Nazzjonali fakkar li n-nuqqas tar-riserva meta d-demm ikun meħtieġ li jingħata b’mod immedjat, tista’ tfisser bejn ħajja u mewt.
L-għoti tad-demm jista’ jsir kuljum fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa bejn it-8am u s-6pm, kif ukoll nhar il-Ħadd li ġej ħdejn il-lukanda Corinthia f’Ħ’Attard bejn it-8.30 u s-1pm.
Nhar it-Tlieta, wieħed ikun jista’ jagħti d-demm f’Għawdex bejn is-1pm u l-5pm.