In-Nunzju tal-Polonja jqisu “iben spiritwali” ta’ San Ġwanni Pawlu II

L-Arċisqof Taljan Salvatore Pennacchio, li nħatar Nunzju Appostoliku fil-Polonja fl-2016, iqis lilu nnifsu bħala “iben spiritwali” tal-Papa San Ġwanni Pawlu II.
Meta l-Papa Franġisku kien infurmah li se jaħtru Nunzju Appostoliku għall-Polonja, hu aċċetta din il-ħatra fi spirtu ta’ gratitutdni u ubbidjenza lejn il-Papa, kif dejjem għamel kull darba li kien imsejjaħ għal xi missjoni speċifika, b’fidi kbira f’Alla u l-Madonna.
Mistoqsi dwar ir-rabtiet li kellu mal-Papa Ġwanni Pawlu II, l-Arċisqof Pennacchion qal li hu jqis lilu nnifsu bħala l-“iben spiritwali” tal-Papa Pollakk li kien hu li ordnah Isqof fis-6 ta’ Jannar 1999 u bagħtu bħala Nunzju Appostoliku fi Rwanda.
Qabel din il-ħatra, fl-1979 kien serva bħala skrivan fin-Nunzjatura Appostolika fil-Panama. Minn hemm intbagħat fin-Nunzjatura fit-Tajlandja u pajjiżi oħra fin-nofsinjar tal-Asja. 
Il-Papa Ġwanni Pawlu kien segwih f’dawn il-missjonijiet li fdalu, kif missier isegwi lil ibnu.
Bħala sinjal ta’ gratitudni lejn il-Papa, l-Isqof Taljan għażel bħala l-motto tiegħu “Nolite Timere” (Tibżax). Dawn kienu l-istess kelmiet li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien inisista fuqhom fil-quddiesa inawgurali tal-pontifikat tiegħu: “Tibżgħux, Iftħu l-bibien tagħkom għal Kristu.”
F’intervisa li ta riċentement in-Nunzju Appostoliku l-ġdid qal li fl-2009, fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tal-episkopat tiegħu, kien żar il-Polonja flimkien ma’ grupp ta’ ħbieb mill-Assoċjazzjoni ta’ Voluntiera li kien waqqaf hu stess biex jgħinu tfal fi Rwanda, f'villaġġ li l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien talbu jibni għall-orfni tal-ġenoċidju li kien seħħ f’dak il-pajjiż fl-1994.
Il-pellegrinaġġ li għamel ma’ sħabu fil-Polonja kien ħadu fil-postijiet marbuta mal-memorja tal-Papa qaddis. F’dik l-okkażjoni beda jsir jaf il-Polonja, l-istorja u l-kultura tagħha u fuq kollox il-fidi tal-poplu Pollakk u mill-ewwel ħa impressjoni tajba tal-pajjiż.
L-Arċisqof Pennacchio iħobb ħafna l-futbol. Fi tfulitu kien iħobb jilgħab din il-logħba iżda llum, l-età u l-piż, joqgħod jaraha fuq it-televiżjoni u meta tinqala’ l-okkażjoni ġieli jmur jara xi partita. Hu partitarju kbir tan-Napli, fejn twieled.  Dan il-klabb riċentement irreġistra żewġ plejers Pollakki tajbin ħafna.
Fi tmiem din l-intervista, in-Nunzju Appostoliku sellem lill-awtoritajiet Pollakki u lil ħutu fl-Epsikopat, lis-saċerdoti, sorijiet, is-seminaristi u l-lajċi, partikolarment liż-żgħażagħ. Hu talab il-protezzjoni tal-Madonna ta’ Czestochowa u talab lil kull min jafu biex jitlob għalih.