In-Nunzju Appostoliku l-ġdid mistenni jgħin fir-rikonċiljazzjoni tal-Korea

Mons Alfred Xuereb, Għawdxi ta’ 59 sena li għadu kif inħatar bħala Nunzju Appostoliku għall-Korea u l-Mongolia, mistenni jkompli jinkoraġixxi r-relazzjonijiet bejn il-Korea ta’ Fuq u dik t’Isfel li ħadu żvolta 'l quddiem, u jressaq liż-żewġ pajjiżi eqreb lejn xulxin u jieħu rwol attiv fl-inizjattivi għall-paċi fir-reġjun.
Mons Marco Sprizzi, li bħalissa jieħu ħsieb in-Nunzjatura f’Seoul, qal li l-ħatra ta’ Mons Xuereb mill-Papa Franġisku tawgura tajjeb għar-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ Korej.
Nhar it-Tnejn li ġej Mons. Xuereb mistenni jkun ordnat Arċisqof f’ċerimonja li se ssir f’Ruma u wara jitlaq għall-missjoni l-ġdida li l-Papa fdalu f’idejh.
“Xuereb hu wieħed mill-eqreb alleati tal-Papa Franġisku u jaf sew kif jaħsibha l-Papa,” qal Mons Sprizzi, “Il-Papa spiss juri t-tħassib tiegħu dwar ir-rikonċiljazzjoni ta’ dan il-pajjiż u jitlob għall-paċi fil-Peniżola Koreana. M’għandix dubju li n-Nunzju l-ġdid se jieħu sehem attiv biex inaqqas il-firda bejn iż-żewġ pajjiżi u jaħdem għall-paċi fir-reġjun”.
Il-Papa Franġisku kien żar il-Korea t’Isfel fit-13 u t-18 ta’ Marzu 2014, fl-ewwel vjaġġ appostoliku tiegħu fl-Ażja, u baqa’ jsegwi mill-qrib dak li jiġri fil-pajjiż.
Fl-aħħar jum ta’ dik iż-żjara hu kien iddedika l-quddiesa fil-Katidral ta’ Seoul għar-rikonċiljazzjoni tal-peniżola u ħeġġeġ lill-Koreani kollha biex ma jibqgħux jissuspettaw u jikkonfrontaw lil xulxin u jfittxu modi  ġodda biex jibnu l-paċi bejniethom.
Mons. Xuereb kien beda l-ħidma tiegħu fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan fl-1995. F’Novembru 2000 kien trasferit biex jaħdem fid-Dar Ponitifiċja. Fl-2007 sar is-Segretarju tal-Papa Benedittu XVI. 
Meta kien elett Papa Franġisku kien ħatar lil Mons. Xuereb bħala Segretarju tiegħu u aktar tard Segretarju għas-Segreterija Ekonomika tal-Vatikan. F’Novembru 2014 kien innominat bħala delegat fil-Kummissjoni Pontifiċja għall-Bank tal-Vatikan (IOR) u għar-rijorganizzazzjoni tal-istrutturi ekonomiċi tas-Santa Sede.
Mons. Xuereb se jieħu l-ħatra diplomatika tiegħu f’pajjiż li teknikament ilu fi gwerra mill-1950 f’dik li baqgħet magħrufa bħala l-Gwerra tal-Korea.  
Dik il-gwerra kienet intemmet b’armistizju u mhux bi ftehim ta’ paċi. Iżda fortunatament f’dawn l-aħħar xhur ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi tjiebu ħafna.