In-Nunzju Appostoliku jiċċelebra għeluq snin resident tad-Dar tal-Providenza

In-Nunzju Appostoliku ġdid għal-Malta, Mons. Alessandro D’Errico għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Matulha, ngħaqad mar-residenti, support workers u ħaddiema tad-Dar tal-Providenza li xtaqu l-isbaħ xewqat lir-resident Frankie Cortis li għalaq 72 sena.
Huwa ntlaqa’ mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef.
Sab ħin ukoll biex iżur il-kappella u l-mużew u l-qabar ta’ Dun Mikiel kif ukoll jara b’għajnejh il-faċilitajiet u l-ħidma li ssir fil-pixxina terapewtika u fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor.
Fr Martin tkellem dwar it-52 sena ta’ ħidma tad-Dar, li insista li ma setgħet qatt tkun possibbli mingħajr nies bħal Dun Mikiel, li kellu viżjoni. Semma wkoll il-ħaddiema dedikati, professjonisti u s-Sorijiet tal-Karità.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fakkar li fil-11 ta’ Frar tas-sena d-dieħla se jiġi ċċelebrat il-50 anniversarju ta’ meta d-Dar laqgħet l-ewwel tliet residenti.  
In-Nunzju Appostoliku kien akkumpanjat mill-Kunsillier tan-Nunzjatura Mons. Simon Bolivar Sanchez.