In-Nunzju Apostoliku ġdid jixtieq jgħix fil-qalba tal-poplu Malti

Fil-jiem li għaddew il-Papa Benedittu XVI innomina lill-Monsinjur Aldo Cavalli bħala Nunzju Appostoliku ġdid ta’ Malta. Bħalissa Monsinjur Cavalli huwa Nunzju Appostoliku fil-Kolombja.

Kien infatti minn dan il-pajjiż fl-Amerka t’Isfel li tkellem magħna dwar in-nomina tiegħu. Stqarr li tgħallem ħafna mill-esperjenzi tiegħu fl-Angola, Chile u l-Kolombja. B’mod partikolari, tgħallem li kull nazzjon għandu l-istorja u d-drawwiet tiegħu. L-Eċċellenza Tiegħu spjega li kull post għandu kultura unika, u r-rwol tiegħu hi li dejjem jifhem din il-kultura, sabiex ikun jista’ jagħti l-aqwa kontribut tiegħu. Dan, kompla n-Nunzju Apostoliku, jixtieq jagħmlu anke f’Malta.

Fil-gżejjer Maltin, Monsinjur Aldo Cavalli jixtieq jgħix bil-mod kif jgħix il-poplu, sabiex jifhem aħjar liema huma l-isfidi li l-Maltin jiltqagħu magħhom ta’ kuljum.

Fisser li l-kelma ‘nuncio’ tfisser messaġġier, jiġifieri xi ħadd li ntbagħat. F’dan il-każ, huwa mibgħut mill-Papa. Ix-xewqa ta’ Monsinjur Cavalli huwa li jobdi d-direttivi tal-Papa bl-aħjar mod il jista, ikun min ikun Papa.

Stqarr li dejjem ħares lejn il-Papa Benedittu XVI bħala raġel onest, ta’ fidi kbira u kilba għall-verità. Dawn il-valuri ħarġu b’mod ċar wara li l-Papa ħabbar ir-riżenja tiegħu.

Il-kariga ta’ Nunzju Appostoliku kienet sfat vakanti f’Novembru li għadda meta l-Papa Benedittu XVI nnomina lil Monsinjur Tommaso Caputo bħala Arċisqof ta’ Pompei. In-Nunzju l-ġdid, li mistenni jasal Malta f’April.

In-Nunzju temm jgħid li l-kwalitajiet ta’ Papa ġdid huma biss deċiżjoni tal-Ispirtu s-Santu.