“In-numru ta’ każijiet konsegwenza ta’ mġiba politika irresponsabbli” – MAPHM

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika (MAPHM) iddikjarat li din kienet l-agħar ġimgħa għal Malta minn meta bdiet il-pandemija, fir-rigward ta’ każijiet ġodda tal-coronavirus. L-MAPHM qalet li dawn in-numri huma konsegwenzi diretti ta’ mġiba politika irresponsabbli li ma qisitx l-evidenza xjentifika.

L-MAPHM qalet li l-pajjiż jinsab f’pożizzjoni agħar minn April li għadda.

Illum tħabbru 49 każ ġdid tal-coronavirus, biex issa t-total ta’ każijiet attivi tela’ għal 311.

L-assoċjazzjoni qalet li s-sitwazzjoni kurrenti hija riżultat ta’ messaġġi kunfliġġjenti mogħtija minn personaġġi prominenti li wasslu għal nuqqas ta’ distanza fiżika bejn in-nies, l-użu skorrett u mhux frekwenti ta’ maskri u nuqqas ta’ ħarsien tar-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa pubblika.

“Limitu ta’ 300 persuni f’attività tal-massa ta’ riskju għoli”

Dwar l-attivitajiet tal-massa, l-MAPHM qalet li dawn huma l-ikbar difett fil-proċess tat-tneħħija tal-miżuri li ġew applikati biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus fl-ewwel fażi. Il-limitu ta’ 300 persuna, skont l-MAPHM, huwa għoli wisq.

B’rabta ma’ diversi dikjarazzjonijiet li għamel il-President tal-MHRA Tony Zahra, l-assoċjazzjoni qalet li l-evidenza xjentifika u twissijiet oħra mhumiex misjuqin mill-biża’ jew minn għaqal b’lura, iżda insistiet li l-pariri tal-professjonisti dejjem kienu konsistenti. Li jitneħħew jew jiġu introdotti miżuri mill-ġdid jibqa’ l-uniku mod “sigur,” qalet l-assoċjazzjoni, biex tiġi kkontrollata din l-epidemija.

Il-mexxejja politiċi għandhom ikunu ta’ eżempju

L-MAPHM argumentat ukoll li l-mexxejja politiċi għandhom ikunu ta’ eżempju billi jinkoraġġixxu lin-nies biex isegwu r-regolamenti, jilbsu l-maskri, jużaw il-hand sanitiser, jaħslu jdejhom ta’ spiss u jżommu d-distanza soċjali. L-assoċjazzjoni hija wkoll favur li barra milli ma jibqgħux isiru attivitajiet tal-massa, il-postijiet fejn dawn isiru jingħalqu sakemm l-imxija tiġi kkontrollata.

Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni hi tal-fehma li l-iskejjel tal-Ingliż jingħalqu billi dawn ġew identifikati bħala sorsi ta’ trażmissjoni fil-komunità peress li l-istudenti sikwit imorru f’postijiet ta’ divertiment mingħajr ma jżommu d-distanza bejniethom.

“In-nies vulnerabbli għandhom jevitaw postijiet iffullati”

Rigward in-nies vulnerabbli, l-MAPHM qalet li dawn għandhom jevitaw postijiet fejn ikun hemm ħafna nies, u għandhom inaqqsu l-kuntatt tagħhom ma’ nies barra mill-familja u mill-ħbieb tagħhom biex inaqqsu r-riskju. L-assoċjazzjoni qalet ukoll li x-xogħol mid-dar għandu jkun inkoraġġut u megħjun mill-Gvern u mill-kumpaniji privati.