In-numru ta’ dawk li jċemplu lil 179 ma jiġix irrekordjat – Falzon

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon enfasizza fil-Parlament li n-numru minn fejn isiru t-telefonati lill-linja ta’ sapport 179 ma jiġix irrekordjat. Hu kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tal-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia.

Farrugia staqsa jekk il-linja ta’ sapport għandhiex it-teknoloġija sabiex iċ-ċittadini li jċemplu b’urġenza jħallu messaġġ meta l-linji kollha jkunu okkupati sabiex jiġu kkuntattjati lura kemm jista’ jkun malajr.

Il-Ministru Falzon spjega li l-linja ta’ sapport tal-179 huwa servizz li joffri kunfidenzjalità sħiħa lill-klijenti li jagħmlu l-użu minnu. In-numru minn fejn l-individwu jċempel ma jiġix irrekordjat sabiex l-anonimità ta’ min iċempel tiġi rrispettata. Spjega li dan minħabba li hemm sitwazzjonijiet fejn ikun ta’ periklu u riskju għall-persuna li tkun ċemplet li tirċievi telefonata lura minn naħa tal-fornitur.

179 huwa n-numru fejn il-pubbliku jista’ jċempel biex jirrapporta abbużi fuq tfal, għal assistenza fuq vjolenza domestika, ħsibijiet ta’ suwiċidju, problemi fiż-żwieġ, solitudni, abbużi minn sustanzi, problemi ta’ mġieba, traffikar ta’ persuni u logħob tal-ażżard fost l-oħrajn.

Il-Ministru kompla jispjega kif issa, minbarra l-voluntiera li jaħdmu mal-linja ta’ sapport, f’Diċembru tal-2018 ġew impjegati 12-il ħaddiem fuq bażi full time sabiex ilaħħqu mad-domanda għas-servizz.