In-numru 119 ma jaqdikx biex tirrapporta lil xi ħadd bla maskra

face masks
Miguela Xuereb

Read in English.

Minkejja li n-numru 119 ġie rriklamat mill-paġna tal-Ministeru għas-Saħħa fuq Facebook biex wieħed jirrapporta lil min ikun qed jikser liġijiet marbuta mal-imxija tal-Covid-19, meta wieħed iċempel dan in-numru mhux qed jinqeda.

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ppruvaw jagħmlu rapport dwar persuna li kienet bla maskra f’post pubbliku u persuna oħra li kienet qed tikser il-kwarantina.  Dan is-sit ipprova jċempel ukoll u qabad mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn filwaqt li insistew li n-numru 119 jinżamm għal emerġenzi polizjeski jew kriminali, talbuna nċemplu fuq in-numru 21324086. Madankollu, meta ċempilna fuq dan in-numru, intlabna nibagħtu imejl. B’din is-sitwazzjoni ġew infurmati l-awtoritajiet tas-saħħa.

Waqt programm speċjali Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart li sar wara li tħabbru l-miżuri restrittivi ġodda mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, Dr Tanya Melillo, konsulent tas-Saħħa Pubblika sostniet li l-poplu jrid jifhem li l-ħaddiema tas-saħħa par idejn għandhom, u qegħdin jippruvaw ilaħħqu mat-telefonati u t-talbiet li splodew f’dawn l-aħħar ġimgħat. Jekk f’ġurnata jidħlu 2,000 email, qalet Dr Melillo, hemm ċertu ammont li realistikament jistgħu jitwieġbu f’jum.

Hija fakkret li l-maskri jridu jintlibsu sew, bil-ħalq u l-imnieħer mgħottijin. Semmiet ukoll kif f’każ ta’ hairdressers jew fil-knejjes, ma kienx hemm każijiet irrappurtati għaliex dawn qegħdin isegwu r-regoli. Skont Dr Melillo, f’post bħall-bajjiet, billi dawn huma postijiet pubbliċi, in-nies jistgħu jmorru mingħajr ma jilbsu maskra ġaladarba jżommu d-distanza bejniethom. Saħqet, iżda, fuq l-importanza li tinżamm id-distanza u li kemm jista’ jkun, in-nies jagħżlu bajjiet u postijiet pubbliċi mhux daqshekk iffullati.