“In-numri tal-Covid-19 ma baqgħux jiżdiedu” – Fearne

Chris-Fearne
Miguela Xuereb

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne insista li s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19 f’Malta hi taħt kontroll tant li n-numri baqgħu kostanti u ma żdidux kif ġara f’pajjiżi oħra.

Huwa qal dan meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija supplimentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Il-Ministru għas-Saħħa saħaq li “għalkemm in-numri kuljum qed ikunu ‘l fuq minn 100, dawn baqgħu kostanti, ma baqgħux jiżdiedu kif ġara f’pajjiżi oħra. In-numri ta’ kuljum qed ikunu bejn 120 u 130. Hekk nixtiequ li ma jiżdidux u dan qed isir grazzi għal miżuri li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jieħdu fosthom l-użu tal-maskri, iż-żamma tad-distanza soċjali kif ukoll l-għeluq ta’ numru ta’ stabilimenti”.

Fearne stqarr li “biex in-numri jisparixxu kif nixtiequ rridu jkunu mlaqqma biżżejjed nies.”

Buttigieg staqsiet lill-Ministru jekk jaqbilx ma’ dak li nkiteb minn Kevin Cassar li ddeskriva l-inizjattiva ‘Christmas in the City’ bħala ‘a fatal Christmas squabble’ (argument fatali tal-Milied) u ddeskriva lill-Ministru bħala ‘the only adult in cabinet is clearly being excluded and kept in the dark’ (il-Ministru tas-Saħħa hu l-uniku adult li ċarament qed jiġi eskluż u miżmum milli jingħata l-informazzjoni meħtieġa).

Il-Ministru insista biex l-interpellant tpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, l-artiklu ppublikat u wara li jaqrah ikun jista’ jirrispondiha.