In-notifiki tat-twelid u l-mewt se jibdew isiru onlajn

MHSE & MHSE_PS

Fil-jiem li ġejjin l-Aġenzija Identity Malta se tkun qed iżżid is-servizzi tagħha onlajn sabiex tkun aktar effiċjenti. Identity Malta se tkun qed tintroduċi sistema biex in-notifiki tat-twelid u l-imwiet jibdew isiru onlajn u hekk jitqassar iż-żmien li jinħarġu dawn iċ-ċertifikati.

Dan is-servizz tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar Byron Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt żjara fl-uffiċini ta’ Identity Malta. Cammilleri spjega li permezz ta’ din is-sistema se tkun qed titnaqqas il-burokrazija u persuna tista’ tinqeda fil-kumdità ta’ darha.

Il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari ħabbru wkoll li din is-sena se tkun qed tiġi introdotta verżjoni ġdida tal-karta tal-identità nazzjonali. Żied li din il-karta tal-identità se jkollha aktar karatteristiċi ta’ siġurtà li jagħmluha aktar diffiċli biex tiġi ffalsifikata.

Muscat spjega li l-mira prinċipali din is-sena hija li s-servizzi kollha jimxu mill-binja tal-Evans fil-Belt Valletta għall-uffiċini aktar moderni u ċentrali.