In-Norveġja trid li tiġi pprojbita l-għata sħiħa tal-wiċċ fl-iskejjel

Il-gvern ta’ minoranza fin-Norveġja ppropona li tingħadda liġi biex l-għata tal-wiċċ, partikularment dik Musulmana, tkun ipprojbita fl-iskejjel.
Il-partit, magħmul minn koalizzjoni bejn iċ-ċentristi-leminin tal-Konservattivi u l-Partit tal-Progress, saħaq li għata ta’ dit-tip m’għandhiex tkun fil-kindergatens, fl-iskejjel u fl-universitajiet.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni tal-pajjiż qal li jħossu kunfidenti li l-liġi se tgħaddi mill-Parlament.
Jekk dan iseħħ, in-Norveġja tkun l-ewwel pajjiż Nordiku li jkun illegalizza dan l-ilbies Musulman. Sa issa l-Awstrija, l-Olanda, Franza, il-Bulgarija u l-istat tal-bavarja fil-Ġermanja diġà imponew restrizzjonijet simili.
Il-pressjoni ma saritx biss fuq l-ilbies Musulman, iżda anki fuq tipi oħrajn, bħall-balaklava.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni qal li lbies ta’ dat-tip mhux postu fl-iskejjel Norveġiżi, u semma n-niqab u l-burka, għax skontu l-abbiltà li tkun tista’ tikkomunika hija valur bażiku.
Żied jgħid li għalliema li jilbsu l-velu jistgħu jitilfu xogħolhom, u studenti jitkeċċew mill-iskola.
Aktar kmieni dis-sena nqalgħet kontrovesrja meta l-Kunsill Iżlamiku tan-Norveġja daħħal persuna taħdem miegħu li kienet tilbes il-velu.
Dakinhar is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill qal li huwa inkredibbli meta f’pajjiż li tant jinkwieta fuq il-libertà tal-espressjoni jinqala’ għagħa għax mara liebsa n-niqab ħarġet taħdem.