In-Norveġiżi u d-Daniżi li jiġu Malta issa jridu jagħmlu kwarantina

Miguela Xuereb

Read in English.

In-Norveġja u d-Danimarka m’għadhomx iqisu lil Malta bħala pajjiż sigur wara l-qabża fil-każijiet tal-coronavirus fil-pajjiż. Għalhekk, in-Norveġiżi u d-Daniżi li jżuru Malta jridu jagħmlu kwarantina meta jirritornaw f’pajjiżhom.

Din il-liġi tapplika mill-15 t’Awwissu għaż-żewġ pajjiżi.

Apparti Malta, in-Norveġja qed timponi l-kwarantina obbligatorja ta’ għaxart ijiem fuq dawk ġejjin mill-Olanda, mill-Iżlanda, mill-Polonja, minn Ċipru u mill-Gżejjer Faroe minħabba ż-żieda fil-każijiet f’dawn il-pajjiżi. Fil-lista hemm ukoll sitt reġjuni fl-Iżvizzera u żewġ reġjuni fid-Danimarka.

Minn dawn il-pajjiżi, skont l-istatistika kwotata fuq is-sit elettroniku tal-Istitut tas-Saħħa Pubblika Norveġiż, Malta għandha t-tieni l-ogħla rata ta’ każijiet għal kull 100,000 persuna, dik ta’ 58.6. Dan wara l-Gżejjer Faroe.

Fil-każ tad-Danimarka, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin illum aġġorna r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mid-Danimarka għal Malta u l-Belġju. B’hekk, il-Gvern qed jiskoraġġixxi vjaġġar bla bżonn lejn dawn il-pajjiżi minħabba ż-żieda fir-rati tal-coronavirus. Apparti Malta, inklużi fil-lista hemm Andorra, il-Bulgarija, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, Spanja u anke l-Irlanda.

Il-kumpanija Daniża FolkeFerie li torganizza vjaġġi mid-Danimarka għal Malta, kitbet li dawn il-vjaġġi se jkollhom jitħassru. Il-kumpanija spjegat li Malta issa qiegħda fuq il-lista l-oranġjo, kif kien mistenni li jiġri. Il-kumpanija skużati ruħha mal-klijenti li kienu ġejjin Malta fiż-żewġ Sibtijiet li ġejjin.

Kære alle ❤️ Så kom den officielle udmelding fra Udenrigsministeriet. Den nye rejsevejledning ændrer sig som forventet -…

Posted by FolkeFerie on Thursday, August 13, 2020

L-Ingilterra wkoll qed tikkunsidra li lil Malta ma tibqax tqisha bħala pajjiż sigur, flimkien mal-Olanda. Id-deċiżjoni finali għandha titħabbar mill-Gvern Ingliż s’għada, li qed jikkunsidra li jżid lil Franza mal-lista wkoll.

Intant, diversi pajjiżi neħħew lil Malta mil-lista ta’ pajjiżi siguri, bħall-Irlanda, Slovenja u l-Litwanja. Dawk l-Isqallin li jiġu Malta jridu jagħmlu kwarantina u test obbligatorju tal-coronavirus ukoll wara li jirritornaw, billi kien hemm ħafna każijiet ta’ nies li marru lura Sqallija wara btala f’Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn