“In-Nisrani huwa dak li ma jobgħodx u ma jkunx vjolenti” – L-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech sostna li n-Nisrani huwa dak li ma jobgħodx, ma jkunx vjolenti bi kliemu u għemilu, jaħfer, jagħder, ma jiżrax il-firda, ma jagħmilx deni u ma joqtolx lil sieħbu.

Dan qalu fl-omelija tal-Velja Solenni tal-Martirju ta’ San Ġorġ fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex. Filwaqt li kkwota l-kliem ta’ Oriġene sostna li huwa sabiħ li niċċelebraw lil min għadda mill-mewt għall-ħajja, imma rrimarka li ċ-ċelebrazzjoni tkun sħiħa jekk kull persuna tkun tista’ tgħid li għamlet dan.

Mons. Grech sostna li huwa minnu li l-istint uman jimbotta l-bniedem biex ipatti, iweġġa’, jinki u jgħajjat. Qal li jekk il-bniedem ma jmewwitx fih dan kollu ma jistax jgħaddi għall-ħajja, jibqa’ aġent tal-mewt u jibqa’ jiżra l-mewt madwaru.

Tenna li jekk fost il-bnedmin għadu jinbet ħaxix ħażin, dan ifisser li ma hemm xejn minn ta’ Ġesù. Insista li minkejja li l-bniedem jaf jorganizza ruħu reliġjożament, xorta waħda jista’ jkun għadu ma daħalx “fid-dawl ta’ dar il-ħajja”. Mons. Grech kompla jgħid li meta d-dinja ġġiegħel persuna tbati għax sempliċiment tkun qed tipprova tgħix il-Vanġelu, dan ifisser li t-tilqima fi Kristu tkun ħadet.