In-nisa se jkollhom prodotti sanitarji b’xejn fl-Iskozja

Il-Parlament Skoċċiż approva l-pjanijiet sabiex il-prodotti sanitarji jkunu disponibbli b’xejn għan-nisa. L-Iskozja hija l-ewwel pajjiż li ħadet dan il-pass.

Bil-liġi, prodotti sanitarji bħal tampons u pads se jkunu disponibbli f’postijiet pubbliċi bħaċ-ċentri tal-komunità, postijiet fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ u spiżeriji. Huwa stmat li dan se jiswa madwar €28 miljun fis-sena.

Il-liġi għaddiet mill-ewwel stadju b’112-il vot favur, l-ebda kontra u b’persuna waħda li astjeniet. Issa l-liġi se tgħaddi għat-tieni stadju, li fiha l-Parlamentari Skoċċiżi jistgħu jipproponu emendi.

Dik li pproponiet il-liġi, il-Membru Parlamentari Monica Lennon, qalet li dan hu mument storiku, li fih il-Parlament qed jibgħat messaġġ dwar kemm jieħu l-ugwaljanza bejn is-sessi bis-serjetà. L-MP Alison Johnstone staqsiet għaliex it-toilet paper jitqies bħala neċessità u l-prodotti tal-period le.

Fl-2018, l-Iskozja saret l-ewwel pajjiż fid-dinja li jipprovdi prodotti sanitarji b’xejn fl-iskejjel u fl-universitajiet.