“In-nisa Maltin jitħallsu 11% inqas mill-irġiel” – Miriam Dalli

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet li wasal iż-żmien li niddiskutu bis-serjetà dwar kif nistgħu nindirizzaw aħjar id-diskrepanza fid-dħul bejn nisa u rġiel, maghruf bħala gender pay gap.

Waqt laqgħa politika fil-Mosta Dr Dalli spjegat kif skont statistika riċenti maħruġa mill-Eurostat, f’Malta għandna gender pay gap ta’ 11%, jiġifieri n-nisa jitħallsu 11% inqas mill-irġiel.

Din ir-rata f’Malta hi inqas minn dik tal-medja fl-Unjoni Ewropea fejn in-nisa jitħallsu 16% inqas mill-irġiel. Madanakollu, l-ewroparlamentari Dalli sostniet li hemm bżonn li tiġi indirizzata din id-diskrepanza biex nassiguraw li l-bniet Maltin la jikbru jkollhom iċ-ċans li jitħallsu daqs l-irġiel.

Dr Dalli sostniet li l-fatturi li jikkontribwixxu għal dan id-distakk huma varji fosthom li hawn aktar irġiel min-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fejn jaqilgħu aktar pagi għoljin, hawn aktar nisa jieħdu ħsieb il-familja f’xoghol li tiegħu ma jdaħħlux valur finanzjarju u każijiet fejn in-nisa u l-irgiel ma jitħallsux indaqs tal-istess xogħol.