In-nisa ma jistgħux ikunu ordnati saċerdoti

Li l-irġiel biss jistgħujkunu ordnati saċerdoti hi verita’ li hi parti mill-fidi kattolika u ma tistax tinbidel. Dan qalu l-Isqof Luis Ladaria, Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi li lejn tmiem dan ix-xahar se jinħatar Kardinal.
“Hu ta’ tħassib serju li f’ċerti pajjiżi għad hemm min qed ipoġġi f’dubju din id-duttrina”, kiteb Mons Ladaria fil-gazzetta tal-Vatika “L-Osservatore Romano”.
Fl-1994, il-Papa Ġwanni Pawlu II ikkonferma t-tagħlim kostanti u l-prattika tal-Knija meta qal li l-“Knisja m’għandha ebda awtorita’ li tordna saċerdoti nisa u dan il-ġudizzju għandhom jaċċettawh il-fidili kollha fil-Knisja.”
Ladaria qal li għad hawn min qed jiddubita mill-infallibbilta’ tad-dokument “Ordinatio Sacerdotalis” tal-Papa Ġwanni Pawlu II għax ma ngħatax ‘ed cathedra’ u qed jargumentaw li Papa ieħor jista’ jibdel dan it-tagħlim. Dawn id-dubji qed joħolqu konfużjoni mhux biss dwar is-Sagrament tal-Ordni Sagri imma wkoll dwar kif il-maġisteru jista’ jgħallem id-duttrina kattolika b’mod infallibbli.
It-tagħlim tal-Knisja hu infallibbli mhux biss meta jkun proklamat sollennement minn xi Konċilju jew minn Papa li jkun qed jitkellem ‘ex cathedra’. It-tagħlim ikun infallibbli wkoll meta hu t-tagħlim ordinarju u universali tal-Isqfijiet magħquda flimkien mal-Papa u joħorġu duttrina definita. U dak li kien għamel il-Papa Ġwanni Pawlu II.
“Ġwanni Pawlu II ma ħariġx xi domma ġdida imma bl-awtorita’ mogħtija lilu bħala s-suċċessur ta’ Pietru, ikkonferma b’mod espliċitu, biex ineħħi kull dubju, dak li l-maġisteru jikkunsidra li hu depożitu tal-fidi tul l-istorja tal-Knisja.”
“Kristu ried li jgħaddi dan is-sagrament lil 12-il appostlu. Kollha rġiel li mbagħad għaddewh lil irġiel oħra. Il-Knisja dejjem ħasset lilha nnifisha marbuta b’din id-deċiżjoni ta’ Alla li teskludi li s-saċerdozju jista’ jingħata b’mod validu anke lin-nisa” qal Mons. Ladaria.