In-nisa jwieġbu lil Edwin Vassallo

Il-Konfederazzjoni Nazzjonali tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa, qalu li huwa tal-mistħija l-fatt li d-Deputat Edwin Vassallo vvota kontra l-liġi dwar l-abbuż abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika
Fi stqarrija, il-Konfederazzjoni saħqet li dan ifisser li Vassallo huwa kontra li persuni vulnerabbli, li jkunu sfaw vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, jingħataw aktar drittijiet u protezzjoni.
Vassallo kien l-uniku Membru Parlamentari li vvota kontra l-abbozz.
Lorraine Spiteri, iċ-Ċerpersin tal-Konfederazzjoni, qalet li huwa diffiċli biex wieħed jifhem għalfejn Membru Parlamentari vvota konta l-vittmi tal-vjolenza domestika u l-istupru.
Saħqet li minkejja li Vassallo qal li huwa kontra l-vjolenza domestika, bagħat il-messaġġ li fil-verità huwa favur il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Edwin Vassallo qal li se jivvota kontra l-liġi dwar l-abbuż abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika minħabba li fi kliemu din tibni fuq il-liġi taż-żwieġ bejn l-istess sess li tneħħi r-referenza ta’ omm u missier.
Huwa sostna li “moralment ma jista’ qatt jaqbel ma’ liġi li mhux qed taħseb għall-ġid komuni imma tkissru."  
B’reazzjoni l-Partit Laburista kkundanna l-mod kif id-deputat Nazzjonalista ħa pożizzjoni kontra l-liġi li tiġġieled il-vjolenza domestika, fi kliemu “bil-barka tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia”.
Iżda Vassallo saħaq li Joseph Muscat ma jittollerrax lil min ma jaħsibhiex bħalu.