Aġġornata: “In-nisa jilħqu lill-irġiel 170 sena oħra”

Il-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea, jekk iżommu dan ir-ritmu ta’ żvilupp in-nisa jilħqu lill-irġiel fl-oqsma kollha fejn jittieħdu d-deċiżjonijeit, 170 sena oħra.
Hija qalet li l-imparzjalità bejn is-sessi hija indikazzjoni ta’ tkabbir ekonomiku u żvilupp. Uriet il-fehma li biex nippromwovu l-ugwaljanza bejn nisa u rġiel fl-istituzzjonijiet, l-ewwel irridu nirriformaw is-sistemi li dawn jitmexxew bihom.
Meta kienet qed tippresjedi l-għeluq tan-negozju fil-Borża ta’ Malta flimkien mal-Kontessa ta’ Wessex, li tinsab Malta fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, il-President qalet li dan il-jum għandu jkun ċelebrazzjoni żda wkoll tifkira ta’ kemm għad fadal x’isir biex in-nisa jkunu inklużi b’dinjità f’kull rokna tas-socjetà.
Il-President Coleiro Preca qalet li t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp huma esenzjali biex jinkisbu inklużjoni soċjali u aktar ġid fil-familji, fis-soċjetà u fil-komunità.
Hija seħqet li l-importanza tal-edukazzjoni ma tistax tkun enfasizzata żżejjed.
Meta kkwotat riċerka akkademika, il-President innutat li kull sena aktar ma mara tagħmel fis-sistema edukattiva kienet iżżidilha l-qligħ tagħha bi 11.7%, filwaqt li lill-irġiel kienet iżżidilhom 9.6% fil-qligħ. Rapport tal-Kummissjoni Ewropeja ikkwotat mill-President Coleiro Preca juri li n-nisa għadhom lura milli jilħqu il-post tagħhom spalla ma' spalla ma l-irġiel fl-oqsma kollha fejn jittieħdu d-deċiżjonjiet.
"Id-drittijiet tal-mara huma drittijiet umani"
F'okkażjoni separata, waqt attività organizzata minn 100 mara fis-settur finanzjarju u l-Fondazzjoni Valletta 2018, il-President saħqet li d-drittijiet tal-mara huma fundamentalment drittijiet umani. 
Insistiet li hemm bżonn ta' protezzjoni effettiva minn kull tip ta' abbuż, fosthom għall-vjolenza domestika u sesswali. 
Ritratt: DOI – Jason Borg