In-Nisa jikkundannaw l-aġir ta’ Tonna; imħassba dwar il-Ministru Farrugia

Il-Konfederazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa kkundannat l-aġir tal-eks-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Mario Tonna, filwaqt li qalet li tinsab imħassba dwar il-kummenti insensittivi tal-Ministru Michael Farrugia.
Il-Konfederazzjoni qalet li l-kummenti tal-Ministru ġew mifhuma bħala tolleranti tal-vjolenza domestika.
Mario Tonna rriżenja minn Assistent Kummissarju tal-Pulizija wara li s-sieħba tiegħu għamlet rapport l-Għassa dwar vjolenza domestika minn Tonna nnifsu. 
Lorraine Spiteri, iċ-Chairperson tal-Konfederazzjoni qalet li l-imġiba ta’ uffiċjal ta' grad għoli responsabbli għal-Liġi u l-Ordni li għamel atti ta’ vjolenza domestika, sfortunatament jagħti stampa negattiva lill-Korp tal-Pulizija.
Saħqet li l-Pulizija qegħdin hemm biex jipproteġu lill-vittmi ta' vjolenza domestika.
Il-Konfederazzjoni għalhekk talbet lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-pajjiż biex jikkundannaw l-atti kollha ta' vjolenza kontra n-nisa.