In-nisa huma vittmi tal-“kultura tar-rimi”

In-nisa jsofru mill-“kultura tar-rimi” u Ġesù bidel l-istorja billi waqqaf l-istatus fejn in-nies kienu meqjusa bħala nies tat-tieni klassi.

Dan qalu l-Papa Franġisku waqt quddiesa f’Santa Marta meta kien qed jispjega l-Evanġelju fejn Kristu tkellem dwar min jikkommetti adulterju f’qalbu. Hu qal li kliem Kristu dwar in-nisa juri li huma ugwali għall-irġiel, fejn qabel kienu ftit aktar minn skjavi u anqas kellhom ħelsien sħiħ.

“It-tagħlim ta’ Kristu dwar in-nisa bidel l-istorja. Qabel Kristu kienu jħarsu lejn in-nisa mod, imma wara Kristu qed inħarsu lejhom mod ieħor. Ġesù ta d-dinjità lin-nisa u poġġihom fl-istess livell tal-irġiel għax l-ewwel kelma tal-Ħallieq kienet li “it-tnejn jixbħu lil Alla, it-tnejn li huma; mhux l-ewwel ir-raġel u mbagħad ftit aktar l-isfel il-mara, le, it-tnejn l-istess. Raġel mingħajr mara ħdejh – kemm jekk omm, oħt jew mara,, bħala ħabiba – dak  ir-raġel waħdu mhux xbieha t’Alla”, qal il-Papa.