In-nisa għandhom bżonn jorqdu iktar mill-irġiel għax…

Studju ġdid ta’ espert ewlieni fl-irqad fl-Ingilterra juri kif in-nisa għandhom bżonn jorqdu 20 minuta iktar mill-irġiel għax jużaw iktar moħħhom mill-irġiel. Skont John Horne, Direttur taċ-Ċentru dwar l-Irqad fl-Università ta’ Loughborough u l-awtur ta’ dan l-istudju, in-nisa għandhom tendenza jagħmlu iktar affarijiet fl-istess waqt (multitask) u dan ifisser li jkunu qed iħaddmu moħħhom iktar mill-irġiel, li għandhom tendenza jiffukaw fuq ħaġa waħda jew l-iktar fuq żewġ affarijiet fl-istess ħin.

Jispjega li iktar ma tuża moħħok, iktar ikollok bżonn ħin isserħu sabiex jirkupra. Għalhekk peress li n-nisa għandhom tendenza ikunu iktar flessibli u jlaħħqu ma’ ħafna affarijiet f’daqqa, ikollhom bżonn iktar ħin sabiex jirkupraw.

Ir-riċerkaturi kkonfermaw li dak li jissejjaħ “beauty sleep”, mhux ħrafa. Jgħidu li hu importanti li tieħu l-ħin biex tistrieħ biżżejjed u dan iwassal sabiex il-ġilda tal-persuna tidher iktar lixxa u żagħżugħa, xi ħaġa li n-nisa jagħtuha importanza. Jissuġġerixxu li n-nisa jorqdu minimu ta’ tmien siegħat għax dan ikun tajjeb għal moħħhom, għal saħħithom u għad-dehra wkoll.

Raqda tajba toffri bosta vantaġġi:

  1. Inqas stress: L-istress u l-irqad jaffettwaw is-saħħa tal-qalb, imma raqda twila tgħin persuna tistrieħ u tnaqqas il-livelli ta’ stress li jaffettwaw is-saħħa kollha tal-persuna. Nuqqas ta’ rqad iwassal għal ħafna konsegwenzi tas-saħħa, anke fis-sistema nervuża. L-istress jiżdied meta persuna jkollha nuqqas ta’ rqad, jekk ma tistax tistrieħ tajjeb jew għandha problemi biex torqod.
  2. Ġisem b’saħħtu: Persuni li jkunu fuq dieta għandhom jippjanaw sew l-aħjar ħin biex jorqdu sabiex il-ġisem irabbi l-muskoli jew jitlef il-piż. Meta persuna tkun bi ngħas, l-ormoni jgħaddu messaġġ biex persuna tiekol aktar bil-lejl, li twassal biex persuna żżid fil-piż.
  3. Iktar attenzjoni: Ma tistax tikkonċentra jew tkun aktar attent jekk tgħaddi l-lejl fuq il-mowbajl tibgħat il-messaġġ u tqalleb. L-irqad hu kruċjali biex il-moħħ jaħdem tajjeb, kull parti tal-ġisem għandha bżonn tistrieħ, anke l-għajnejn.
  4. Memorja aħjar: Meta persuna torqod, il-memorja tmur għall-aħjar u tkun tista’ tiftakar l-affarijiet aħjar jekk titgħallimhom qabel torqod, u wara li tqum, tirrepeti dak li tkun tgħallmet qabel marret torqod.
  5. Kreattività akbar: Qabel tibda tpitter jew tikkomponi, ħu raqda tajba. Ix-xjentisti jgħidu li meta norqdu, il-partijiet emozzjonali tal-memorja jissaħħu u dan jista’ jwassal għal iktar kreattività.
  6. Għażel li tkun rebbieħ: Jekk inti atleta jew involut fl-isports, taf kemm hu importanti li torqod tajjeb. Studju tal-Università ta’ Stanford ikkonkluda li l-plejers tal-futbol tejbu l-logħob b’50% meta ddeċidew li jorqdu 10 siegħat kull lejl għal madwar seba’ ġimgħat. Il-ġisem imur tajjeb, jissaħħaħ, il-persuna tikkonċentra aktar fuq il-logħba, tħossha mistrieħa u jkollha iktar enerġija.