“In-nisa għadhom jinqatlu minn min jgħid li jħobbhom” – NGOs

36 NGO lokali sostnew li minkejja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fil-liġijiet Maltin, xorta għad hawn nisa li qed jinqatlu minn persuni li jgħidu li jħobbuhom.

Din l-istqarrija ntbagħtet wara l-qtil ta’ Lourdes Agius, omm ta’ sitt itfal, li seħħ il-ġimgħa l-oħra. Sostnew li dawn huwa r-raba’ każ din is-sena fil-pajjiż u semmew kif mis-sena 2000, tliet nisa minn kull erba’ vittmi ta’ femiċidju sfaw maqtula mill-irġiel, eks-irġiel jew membri tal-familja.

L-għaqdiet insistew li dan għadu qed isir minħabba l-awtoritajiet li suppost qed jipproteġu lil dawn in-nisa, speċjalment dawk vittmi ta’ vjolenza domestika, mhux qed jassiguraw is-sigurtà u l-protezzjoni tagħhom. Insistew li li wieħed jgħix ħieles mill-vjolenza huwa dritt fundamentali u huwa fir-responsabbiltà tal-Istat li dan id-dritt jiġi rispettat miċ-ċittadini kollha. Irrimarkaw li bosta vittmi maż-żmien ippruvaw ifittxu l-għajnuna u s-servizzi tal-ġustizzja iżda dan bla suċċess.

L-għaqdiet għamlu sensiela ta’ talbiet lill-Gvern li jinkludu li jittieħdu l-passi kollha neċessarji fejn tidħol il-vjolenza domestika. Sostnew li dawn il-każijiet mhumiex tat-tip li jiġu riżolti fil-privat imma huma kriminalitajiet li jaffettwaw lis-soċjetà kollha.

Sostnew li hemm bżonn li l-Pulizija kollha jkunu mħarrġa biex jirrikonoxxu każijiet ta’ vjolenza domestika u jifhmu l-proċeduri neċessarji u li għandhom jiġu segwiti f’każijiet tat-tip. Saħqu dwar l-importanza li jiġi segwit l-Att dwar Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika. L-għaqdiet insistew ukoll dwar l-importanza li d-dipartimenti tal-Gvern, l-Aġenziji u l-Ministeri jaħdmu flimkien għas-sigurtà tal-vittmi qabel ma jkun tard wisq.

Insistew ukoll li l-Qorti Maltija għandha tassigura li tħares il-każijiet kollha ta’ vjolenza domestika sakemm dawn jiġu solvuti, anke jekk il-vittmi jkunu qed jiġu mbeżża’ milli jitkellmu kontra l-persuni in vjolazzjoni.

L-għaqdiet li ffirmaw l-istqarrija huma: St Jeanne Antide Foundation, aditus foundation, Platform of Human Rights Organisations in Malta (PHROM), Women’s Rights Foundation, Merħba Bik, Department Gender Studies (Faculty of Social Wellbeing, University of Malta), The Critical Institute, SOS Malta, Allied Rainbow Communities (arc), Richmond Foundation, YMCA, African Media Association Malta, Association for Equality (A4E), Malta Confederation of Women’s Organisations (MCWO), Kummissjoni Ejjew Għandi, Dean’s Office (Faculty of
Social Wellbeing, University of Malta), Men Against Violence, Attard Ladies Cultural Club (ALCC), Malta Association of Women in Business (MAWB), MGRM, We Are, Group of Independent MCWO Members (GIMM), Women’s Study Group (WSG), Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN), JRS, Drachma LGBTI, Drachma Parents’ Group, Integra Foundation, SPARK, Department for inclusion and Access to Learning (Faculty of Education, University of Malta), Solidarity with Migrants Group, OASI Foundation, Social Assistance Secretariat of Malta Catholic Action, Victim Support Malta, Dar tal-Providenza, Paolo Freire Institute.