“In-nisa f’Malta huma inkubaturi”; Jipprotestaw dwar l-abort waqt is-summit

Voice for Choice / Facebook

Numru ta’ attivisti ħatfu l-opportunità li jsemmgħu leħinhom ilbieraħ meta preżenti f’Malta kien hawn sitt mexxejja ta’ pajjiżi min-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea għal summit immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Barra minn dawk jipprotestaw kontra l-korruzzjoni, kien hemm ukoll numru ta’ attivisti żgħażagħ li pprotestaw favur l-abort, b’tabelli li jgħidu li f’Malta, it-tfajliet u n-nisa huma ttrattati daqslikieku huma inkubaturi.

Filmat: Jipprotestaw waqt konferenza tal-aħbarijiet tas-summit f’Malta

Dawn l-attivisti kienu ġejjin mill-Moviment Graffitti u mill-għaqda mwaqqfa riċentament, Voice for Choice. Tabelli oħrajn li kellhom kienu jgħidu, “My body, my life, my choice”, “Trust women” u li l-abort huwa illegali f’Malta taħt kwalunkwe ċirkustanza.

#notanincubator

Posted by Voice For Choice – L-għażla tagħha on Friday, June 14, 2019

Apparti din il-protesta, kien hemm protesta oħra għaddejja fl-istess akkwati. Attivisti kontra l-korruzzjoni nġabru fil-periferija ta’ Pjazza Kastilja waqt li l-mexxejja ta’ seba’ stati membri Ewropej tan-Nofsinhar tal-UE ltaqgħu f’Malta għas-sitt summit tal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea li din id-darba tmexxa mill-Prim Ministru Joseph Muscat. It-temi li ddominaw is-summit kienu l-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-baġit tal-Unjoni Ewropea.