In-nisa fl-Ewropa jaħdmu daqs 59 jum ‘b’xejn’

In-nisa fl-Ewropa għadhom qed jaħdmu daqs 59 jum ‘b'xejn’, dan hu dak li joħroġ mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea.
Id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel u d-differenza medja tad-dħul fis-siegħa bejn in-nisa u l-irġiel bilkemm iċċaqalqet f'dawn l-aħħar snin u għadha madwar 16%.
Mir-rapport dwar l-ugwaljanza jirriżulta li n-nisa qed jaħdmu 59 jum ‘b’xejn’ sakemm ma jilħqux l-ammont tal-paga li jaqilgħu l-irġiel tal-istess xogħol li jagħmlu.
Il-Kummissjoni Ewropea qed issostni li iktar trasparenza b'rabta mal-pagi tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni tal-vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi li jkunu jistgħu jqabblu lilhom infushom b’mod iktar faċli mal-ħaddiema tas-sess l-ieħor.
Il-Kummissjoni bħalissa qed tikkunsidra alternattivi oħra biex ittejjeb it-trasparenza fil-pagi u b'hekk tindirizza d-diskrepanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa.
Din hija r-raba' sena li l-Jum għall-Paga Ugwali qed jiġi ċċelebrat fil-livell Ewropew.