In-Nikolaos qed jintuża biss sakemm toħroġ sejħa għal vapur ġdid – Farrugia Portelli

Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli qalet li l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (CRPD) ġiet infurmata mill-Ministru għal Għawdex f’Lulju li għadda li l-vapur Nikolaos qed jintuża biss sakemm tinħareġ is-sejħa għall-offerti għal vapur ieħor.

Dan wara li fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said staqsa għaliex is-CRPD qed taċċetta li dan il-vapur li jużawh eluf ta’ nies kuljum mhux aċċessibbli u jekk is-CRPD tatx żmien sa meta jista’ jibqa jintuża kif inhu llum. Huwa staqsa dwar x’passi ttieħdu mis-CRPD s’issa biex jiġi assigurat li l-qorti t’Għawdex u l-vapur Nikolaos operat mill-Gozo Channel ikunu aċċessibbli għal kulħadd.

Fuq l-MV Nikolaos, ir-raba’ bastiment tal-Gozo Channel li nbena fl-1987, hemm stair lift u mhux lift.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà mhijiex l-entità vestita bil-poteri legali sabiex tiċċertifika l-livell ta’ aċċessibbiltà fuq bastimenti.

Minkejja dan, il-Kummissjoni ressqet l-ilmenti tagħha u ta’ bosta persuni b’diżabbiltà marbuta mal-bastiment MV Nikolaos sabiex dawn jiġu indirizzati. Il-Ministru żiedet tgħid li hi infurmata li l-bastiment qiegħed jintuża sakemm tinħareġ sejħa għall-offerti għal vapur ġdid. Dan kien ikkonfermat f’laqgħa li l-Kummissjoni kellha mal-Ministru għal Għawdex f’Lulju tal-2020.

Fil-Parlament is-sena li għaddiet, Justyne Caruana, dak iż-żmien Ministru għal Għawdex, kienet qalet li l-vjaġġ jieħu 11-il minuta u allura jkun aktar għaqli li l-persuni b’diżabbiltà joqgħodu fil-garaxx tal-karozzi. Hija qalet li anke fil-każijiet tal-vapuri l-oħra fejn hemm aċċess b’lift, il-persuni li jieħdu ħsieb il-persuni b’diżabbiltà kienu jħalluhom fil-karozza.

In-Nikolaos suppost kellu jkun temporanju.

Il-Ministru Farrugia Portelli fakkret li l-Gozo Channel għandu tliet bastimenti oħra fil-flotta tiegħu, li, iżda, ma joffrux livell eċċellenti ta’ aċċessibbiltà peress li dawn inbnew bejn l-2000 u l-2002. Fakkret ukoll li s-CRPD m’għandhiex poteri li twaqqaf direttament lil xi ħadd milli jeżerċita xi attività iżda hi biss waħda mill-entitajiet involuti fil-proċess fil-ksib ta’ permess fil-qafas tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għaldaqstant, tali limitazzjonijiet jistgħu jiġu imposti biss jekk marbuta mal-proċess ta’ ksib ta’ permess għall-bini.

Il-vapur Nikolaos waqaf jopera għal madwar xahrejn f’April li għadda minħabba l-pandemija.

Il-Gvern qed ifittex post aċċessibbli għall-qorti t’Għawdex

Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli qalet li l-Gvern qed ifittex post aktar aċċessibbli biex il-qorti t’Għawdex tiġi rilokata, billi l-post li tinsab fih preżentement, fir-Rabat, mhuwiex aċċessibbli għal kulħadd.

Dan qalitu hi u twieġeb il-mistoqsija tad-Deputat Parlamentari Chris Said fil-Parlament.

Sena ilu, Justyne Caruana, dak iż-żmien Ministru għal Għawdex, qalet li l-Gvern qed jesplora sit alternattiv ieħor għall-qorti f’Għawdex. Dan kien se jkun it-tielet sit alternattiv li kien qed ifittex il-Gvern wara li kemm il-Ministru Anton Refalo u anke l-Ministru Caruana, it-tnejn kienu proponew siti alternattivi għall-qorti li tinsab fiċ-Ċittadella.

Fuq il-qorti, Chris Said staqsa wkoll sa meta ngħatat żmien l-Aġenzija għas-Servizzi fil-Qrati sabiex il-Qorti t’Għawdex tkun aċċessibbli għal kulħadd peress li din il-binja pubblika li tintuża kuljum minn mijiet ta’ nies mhijiex aċċessibbli. 

Il-Ministru spjegat li l-Kummissjoni kienet irċeviet ilment dwar l-aċċessibbiltà f’din il-binja f’Ottubru tal-2014 u mill-ewwel għamlet kuntatt mal-awtoritajiet konċernati sabiex tinstab soluzzjoni. Fost il-proposti li saru kien hemm li jsir lift li jwassal sal-binja, li madankollu, ma jsolvix il-problema, għax din il-binja storika m’għandhiex l-istess livelli fl-istess sulari. Dan ifisser li biex tmur minn kamra għall-oħra, trid titla’ jew tinżel xi taraġ, minkejja li tibqa’ fl-istess sular.

Il-Kummissjoni, iżda, ġiet infurmata li l-Gvern għaddej bi proċess sabiex il-Qorti ta’ Għawdex tiġi rilokata għal post aċċessibbli. Fil-laqgħa ma ngħatawx dettalji ġodda dwar din ir-rilokazzjoni.

Said staqsa wkoll għaliex fiż-żewġ każijiet, is-CRPD ma ħaditx passi legali meta mbagħad kontra operaturi privati tieħu l-passi immedjati jew ma tagħtix permess biex joperaw.

Bi tweġiba għal dan, il-Ministru qalet li l-Kummissjoni għandha parir li l-possibbiltà li azzjoni legali sejra twassal għal titjib fis-servizzi mogħtija hi tassew żgħira u li jkun aktar għaqli li tinstab soluzzjoni li ma tinvolvix azzjoni legali. Skont il-Ministru, din hija l-istess strateġija li tittieħed f’numru ta’ azzjonijiet li l-Kummissjoni tieħu fil-konfront ta’ entitajiet privati.