In-night shelters qed jintużaw minn 20 anzjan

Read in English.

Skont il-figuri ppreżentati quddiem il-parlament il-bieraħ, hemm 20 raġel u mara li qed jużaw in-night shelters imwaqqfa apposta għal persuni anzjani li ma jħossuhomx komdi jorqdu waħedhom f’darhom tul il-lejl.

Fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li għamel il-Membru Parlamentari Nazzjonalist Ivan Bartolo, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon innota li fil-preżent hemm ħames postijiet fejn l-anzjani jistgħu jirrikorru fihom; iż-Żejtun, il-Fgura, il-Mellieħa, fir-Residenza ta’ San Vincenz de Paul u f’Għajnsielem.

In-night shelters huma miftuħa għal irġiel u nisa li għandhom aktar minn 60 sena, li jgħixu waħedhom u għandhom ħajja indipendenti u ma jbagħtux mid-dimensja. Dawn il-postijiet ġew miftuħa biex dawk li jistgħu jkomplu jgħixu f’darhom, ma jispiċċawx imorru jgħixu fid-djar tal-anzjani minħabba sempliċiment il-fatt li ma jħossuhomx siguri tul il-lejl.

Is-servizz jiswa €2 għal kull lejl, u fil-preżent hemm 20 persuna bl-età tvarja bejn il-65 u 85 sena, li qed jagħmlu użu minn dan.