In-Niġerja taħt assedju

L-Arċisqof ta' Kaduna fin-Niġerja jikkundanna n-nuqqas ta' sigurtà fil-pajjiż

“Ebda pajjiż ma’ jista’ jittollera s-sitwazzjoni li tinsab fiha n-Niġerja. Din hi sitwazzjoni ta’ assedju li titlob li n-nies jidħlu fit-toroq”.

Din id-dikjarazzjoni għamilha fi stqarrija, Mons. Matthew Man-oso Ndagoso, Arċisqof ta’ Kaduna, fin-Niġeria, arċidjoċesi fejn fit-8 ta’ Jannar filgħaxija nħatfu erba’ seminaristi mis-Seminarju tar-Ragħaj it-Tajjeb.

L-Arċisqof qal li dan kien it-tielet ħtif li sar fid-djoċesi. Fl-istqarrija, rappurtata mill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, Mons Ndagoso qal li ma jistax jorqgħod bil-ħsieb tal-kundizzjonijiet li qed jesperjenaw Bħalissa s-seminaristi maħtufa.

“In-nies ma jistgħux jagħlqu għajn ma’ għajn minħabba s-sitwazzjoni fil-pajjiż iżda l-mexxejja għandhom l-ardir jgħidu li fil-pajjiż hawn is-sigurtà. Issa jidher li l-popolazzjoni donnha rrassenjat ruħha għal din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà. Naħseb li n-nies qatgħu qalbhom għax ma jistgħu jagħmlu xejn u rrassenjaw ruħhom għas-sitwazzjoni.”

L-Arċisqof qal li ma jistax jifhem għax fdawn l-inħawi ma jistax ikun hemm sigurtà “għax illum, bl-iżviluppi teknoloġiċi li saru, ma’ hemm imkien fid-dinja, imqar taħt il-baħar, li l-kriminali ma jistgħux jinqabdu”.  Imma l-aġenziji tas-sigurtà tal-pajjiż jibqgħu jgħidu li għandhom kontroll tas-sitwazzjoni.

Wara li ħabbar li żdiedu l-miżuri tas-sigurta fis-seminarju biex ikunu protetti l-istudenti, l-Arċisqof Ndagoso temm jgħid li: “Aħna nkomplu nitolbu għas-seminaristi maħtufa sakemm dawn jinħelsu. Nibqgħu nittamaw li Alla iwaqqaf din l-insigurtà fil-pajjiż”.