​“In-nifs ġdid lill-Karnival ta’ Għawdex kien id-daqqa tal-mewt”

Mhux kulħadd kien kuntent bit-tibdiliet li saru fil-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex ta’ din is-sena u wara ġimgħa xi wħud għadhom bit-togħma qarsa.
Dan jixduh diversi kummenti li qed jidhru fuq il-midja soċjali, fejn kien hemm min qal li ‘“l-Karnival f’Għawdex kien ferm differenti u inqas f’saħħtu minn dak tas-snin l-imgħoddija.” Oħrajn iddeskrivewh bħala ‘fjask totali.’
Ma’ Newsbook.com.mt, dilettanta tal-karnival qalet li “n-nifs ġdid lil Karnival ta’ Għawdex fil-verità kien id-daqqa tal-mewt’.
Il-kummenti żbroffaw wara li d-Direttur Artistiku tal-Karnival f’Għawdex Felix Busuttil kiteb fuq il-Facebook tiegħu u rringrazzja lil dawk kollha li kienu strumentali biex intlaħaq l-għan li t-toroq jimtlew bin-nies, kulur u ħajja.
Kien hemm min ikkummenta li meta l-kumpaniji kienu jitħallew jimirħu fil-kreattività tagħhom, ir-riżultat kien ikun wisq aħjar u kien ikun kollu kemm hu prodott Għawdxi.  Żiedu jgħidu li l-karnival jiġi biex kulħadd jesprimi l-immaġinazzjoni tiegħu u mhux jintrabat b’tema.
Ikkumentaw ukoll membri ta’ kumpanija ewlenija taż-żfin tal-Karnival f’Għawdex li esprimew id-dispjaċir tagħhom li minħabba bdil fir-regolamenti spiċċaw tħallew barra milli jipparteċipaw.
Qalu li l-kumpanija għandha madwar 100 żeffien li ta'kull sena kienu jagħtu wirja b’kostumi elaborati u koreografija mill-isbaħ għal nofsiegħa sħiħa. Madankollu din is-sena, spiċċaw b’xejn. Membri tal-kumpanija qalu li għamlu minn kollox biex jilħqu xi tip ta’ kompromess iżda ġew ikkonsultati bit-tibdil għall-aħħar ta’ Settembru, meta s-soltu jibdew il-ħidma tagħhom f’Lulju. Żiedu jgħidu li għalihom dan kien tard wisq u kien jidher ċar li kollox kien deċiż. Barra minn hekk il-massimu li ngħataw il-kumpaniji kollha kien ħin ta’ 12-il minuta, li għamilha impossibbli biex jipparteċipaw il-100 żeffien.
Dan minkejja li xi reklamar tal-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex sar b’ritratti ta’ din il-kumpanija, minkejja li ma kinux parti mill-programm ta’ din is-sena.
Persuna oħra qalet li minkejja li t-tema kellha ddur mal-kelma ‘Għawdex’, kumpaniji Għawdxin tħallew barra, biex minflok ipparteċipaw erba’ kumpaniji Maltin kif ukoll kumpanija barranija.
Spikkaw ukoll kummenti li biex tkun parti mill-Karnival ta’ Għawdex il-kostumi riedu jkunu marbuta mat-tradizzjoni Għawdxija, bħal pastizzi, bizzilla, ġbejniet, u l-ħaġar tal-Ġgantija. Intqal ukoll li kien hemm indħil fl-għażla tal-mużika kif ukoll regoli ġodda għal dawk li jipparteċipaw bil-maskri grotteski u karrijiet.
Għalkemm fil-minoranza, kien hemm min faħħar l-inizjattiva ta’ parata tematika li ġiet organizzata s-Sibt filgħaxija fi Triq ir-Repubblika.
Min-naħa tiegħu, Felix Busuttil spjega li dejjem hemm lok ta' titjib u li s-sena d-dieħla l-istess idea se tkun ikbar u aktar b’saħħitha. Sostna li s-suġġett se jinbidel kull sena u li diġà qed isir brainstorming fuq it-tema tas-sena d-dieħla. Madanakollu sostna li l-karnival tematiku f’Għawdex se jibqa’. 
Aċċetta wkoll it-talba ta’ wieħed mill-membri ta' kumpanija Għawdxija li ssir laqgħa mal-parijiet kollha kkonċernati biex kulħadd ikun jista’ jesprimi l-ilmenti u s-suġġerimenti għall-edizzjonijiet tal-Karnival li jmiss.

Ritratt: Arkivji – Karnival 2013