In-nies trid tifhem b’moħħha, bir-raġuni, l-immigrazzjoni – Sant

L-Ewroparlamentari Laburista, Alfred Sant, enfasizza l-importanza li n-nies tifhem b’mod razzjonali, jiġifieri bil-fakultà tar-raġuni, il-fenomenu tal-immigrazzjoni.
Huwa u jitkellem waqt konferenza fil-Parlament Ewropew dwar l-immigrazzjoni, il-politika u l-ġurnaliżmu, Sant saħaq dwar l-irwol tal-midja biex twassal informazzjoni partikulari biex jitnaqqsu t-tensjonijiet razzjali.
Hawnhekk irrimarka li l-midja tradizzjonali għandha riżorsi limitati biex tanalizza u tirrapporta l-effetti fit-tul tal-immigrazzjoni.
“Il-midja tradizzjonali tista’ biss tittratta avvenimenti li jistgħu jinqalgħu, mingħajr r-riżorsi biex twettaq u tanalizza r-riżultati ta’ investigazzjonijiet  wiesgħa. Din hija problema għax l-immigrazzjoni m’għandhiex tiġi eżaminata fuq żmien qasir, fuq avvenimenti meħuda każ b’każ”, qal l-MEP.
Minħabba n-natura ta’ rappurtaġġ ġurnata b’ġurnata, Sant indika li dan ħafna drabi jissarraf f’aħbarijiet negattivi, “allura dak li hu negattiv u drammatiku jiġi rrapportat, dak li jdum biex jiżvolġi u huwa pożittiv jiġi injorat.”
Dwar l-integrazzjoni Sant qal li t-twemmin li l-immigrazzjoni tal-massa tista’ titmexxa b’bakketta maġika mil-lat ta’ integrazzjoni, jew li tista’ tkun żviluppata b’mod separat, hija illużjoni. Sostna li l-individwi mhumiex bħal ikel fil-bottijiet, li jistgħu jitpoġġew fejn xulxin fuq xkaffa tal-Lidl mingħajr problemi.
Dr Sant qal li l-immigranti għandhom il-kultura tagħhom u l-karatteristiċi intellettwali u spiritwali tagħhom. Huma joħolqu l-interpretazzjoni soċjali tagħhom tar-realtà li ħafna drabi ma taqbilx ma’ tal-oħrajn, jekk titqiegħed wisq kmieni fl-istess spazju mingħajr il-preparazzjoni meħtieġa.
Lura għall-irwol tal-midja, Sant ikkonkluda li f’dan l-eżerċizzju t-tixrid mingħajr dewmien tal-fatti jsir fattur li jaffettwa l-iżvilupp tas-sitwazzjoni.
Il-konferenza kienet organizzata mill-ICMPD – iċ-Ċentru Internazzjonali tal-Iżvilupp tal-Politika tal-Immigrazzjoni, u ngħatat spinta minn Mercedes Bresso, Ewroparlamentari Taljana u waħda mill-Viċi-Presidenti tal-S&D.