In-nies tal-Qawra, Buġibba u Marsaskala l-aktar li ħarġu skart domestiku b’mod illegali

Mill-bidu ta’ din is-sena sas-26 ta’ Ġunju 2019, l-Awtorità Għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qabdet 117-il persuna toħroġ skart f’dati li mhux suppost jew mill-ġurnata ta’ qabel. L-iktar li nqabdu kienu nies fil-Qawra u Buġibba (55), segwit minn Marsaskala (26).

Minn Ottubru tas-sena l-oħra, uffiċjali tal-ERA bdew b’eżerċizzji ta’ ronda fi bliet u rħula madwar Malta u Għawdex. Fl-ewwel tliet xhur li beda jitwettaq dan l-eżerċizzju, ir-rwol tal-uffiċjali tal-ERA xaqleb aktar lejn dak edukattiv. Skont stqarrija maħruġa minn ERA, l-Awtorità stess intervjeniet meta innotat nies li tefgħu skar mal-art fil-Bring-In Sites. Huma ħarġu wkoll multi għal min ħareġ l-iskart aktar minn erba’ sigħat qabel il-ħin tal-ġbir jew meta nħareġ mil-lejl ta’ qabel.

Mill-bidu ta’ din is-sena, ERA ħarġet multi amministrattivi lil min taqbad fil-fatt. Fl-ewwel xahar tas-sena, inħarġu b’kollox 13-il multa li telgħu għal 32 fi Frar. Min-naħa tiegħu Mario Schembri, il-kap tad-Direttorat li jħares il-konformità u l-infurzar fi ħdan l-ERA, sostna li r-raġuni primarja għaliex wieħed għandu jissepara l-iskart kif titlob il-liġi m’huwiex minħabba l-biża’ mill-multi, iżda l-kuxjenza u r-rieda tajba li timmotiva lil kull ċittadin jaqdi dmirijietu favur ambjent aħjar.

Aqra: GreenPak tappella lill-gvern biex jiffoka fuq l-infurzar kontra min iħammeġ