“In-nies tal-Kottonera mhumiex tat-tieni klassi”

Dak li kien kappillan tal-Isla Dun Vinċenza Cachia qal li n-nies tal-Kottonera mhumiex “second-grade” u m’għandhomx jiġu diskriminati.

Waqt intervista fuq RTK103FM minn Joe Cassar u Anna Cassar, Dun Vinċenz li llum għandu 70 sena, għamel aktar minn nofs ħajtu bħala kappillan. Tkellem dwar l-esperjenza tiegħu ta’ 37 sena bħala kappillan u arċipriet f’diversi postijiet fosthom l-Isla, il-Ħamrun, Ħad-Dingli, il-Gżira, Ħal Safi, Raħal Ġdid u Birkirkara.

Huwa ddeskriva l-ħajja ta’ kappillan bħala waħda “mimlija kuntrasti” u semma kif ħafna nies jippretendu soluzzjoni mill-kappillan.

Fil-parroċċa tal-Isla fejn qatta’ 17-il sena bħala kappillan, irrakkonta kif kienet sfida kbira għalih minħabba dawk li sejjaħ “il-problemi politiko-reliġjużi”. Minkejja dan, qal li f’din il-lokalità dejjem sab għajnuna minn ħafna nies. Spjega li huwa beda l-ħidma tiegħu hemmhekk eżatt wara li spiċċa l-Kanonku John Sladden, li qal kien meqjus bħala ikona min-nies tal-lokal. Madankollu qal li rnexxa bl-għajnuna tan-nies tal-Isla.

Dun Vinċenz Cachia kompla jitkellem dwar il-ħajja ta’ kappillan, li qal ħafna drabi tibda kmieni filgħodu b’xogħol klerikali u li ħafna ħin jittieħed min-nies li jkunu jridu jitkellmu mal-kappillan. Qal li kien ikollu wkoll “il-homework” wara t-tberik għax ikun irid jerġa’ jirreferi lin-nies.

Dun Vinċenz temm jgħid li kull parroċċa trid titmexxa b’mod differenti, għax il-kappillan irid jaddatta skont il-karatteristiċi u l-livell soċjali tal-parroċċa.