F’Marzu n-nies tal-Birgu se jivvutaw dwar it-Torri tal-Arloġġ

Hemm ċans li f’Marzu li ġej ir-residenti tal-Birgu se jkunu qed jivvutaw dwar jekk jaqblux li għandu jinbena mill-ġdid it-Torri tal-Arloġġ f’Misraħ ir-Rebħa fil-Birgu.
Ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku tal-Birgu is-Sur John Boxall ikkonferma din il-possibilità wara li l-kunsill lokali ddiskuta u qabel fuq dan.
Mistoqsi minn se jkun jista’ jivvota, is-Sindku qal li għalissa ma jistax jgħid għax għad ma hemm xejn mija fil-mija ċert. Lanqas ma qal jekk jistgħux jivvutaw żgħażagħ li għandhom sittax-il sena.
F’Marzu tas-sena li għaddiet, is-Sur Boxall kien bi ħsiebu jitlob parir tal-Kummissjoni Elettorali biex isir referendum konsultattiv dwar jekk in-nies ta-Birgu jridux jew le li t-Torri tal-Arloġġ jerġa’ jsir fil-Pjazza tal-Birgu.
Fi Frar tas-sena li għaddiet, is-Sindku kien bagħat ittra lir-residenti biex jinfurmahom li l-Kunsill se jkun qed jagħrrafhom bid-data ta’ meta se ssir din il-konsultazzjoni.
Dakinhar, is-Sindku kien qal li l-parir tal-Kummissjoni Elettorali se jieħdu wara li segwa b’interess dak li nkiteb mill-ġurnali u l-midja soċjali dwar dan it-torri.
Is-sena li għaddiet, Newbook.com.mt kien irraporta li s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali ma kienx ġie kkonsultat mill-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Dan is-sit kien jinsab infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Birgu ma għamilx talba mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej sabiex jiġu allokati fondi addizzjonali għal dan il-proġett.
It-Torri tal-Arloġġ kien intlaqat fl-1942, waqt attakk tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Newsbook.com.mt bagħat aktar mistoqsijiet lill-Kunsill Lokali tal-Birgu dwar dan il-proġett.