In-nies li raw il-logħba kontra l-Gżejjer Faroe ma kisrux il-liġi

In-nies li kienu fil-grawnd ta’ Ta’ Qali għal-logħba tal-futbol bejn Malta u l-Gżejjer Faroe nhar it-Tlieta ma kisret l-ebda liġi, skont il-Korp tal-Pulizija.

Ritratti tal-folla fil-VIP enclosure fil-Grawnd Nazzjonali f’din il-logħba, li spiċċat draw ta’ 1-1, kienu qajmu kjass hekk kif deher li n-nies kienu ppakkjati flimkien minkejja r-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

Il-kandidat independenti Arnold Cassola kien talab għal investigazzjoni tal-pulizija.

Però l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) insistiet li r-ritratt tal-folla kien qed jagħti impressjoni qarrieqa tal-arranġamenti li kien hemm minħabba l-perspettiva tiegħu. Skont l-MFA, kemm il-protokolli tal-UEFA kif ukoll ir-regolamenti Maltin dwar l-imxija tal-Covid-19 kienu qed jiġu rrispettati.

Newsbook.com.mt talbet kumment mill-Korp tal-Pulizija, u kelliem tal-korp ikkonferma li kien hemm “osservanza stretta” tal-protokolli tal-UEFA u tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Dawn il-miżuri kienu jinkludu limitu fuq in-numru ta’ nies fil-grawnd, it-teħid tat-temperatura ta’ kull min attenda, l-ilbies tal-maskri u seating allokat skont il-prinċipju tas-social distnacing.

Il-kelliem żied ukoll li kien hemm uffiċjali tal-pulizija ġewwa u barra l-grawnd biex jaċċertaw li r-regolamenti u l-protokolli kollha kienu qed jiġu osservati.