In-nies li jiġu salvati m’għandhomx jintbagħtu lura l-Libja – UNHCR

Reuters

L-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, il-UNHCR, qiegħda tappella għal kordinazzjoni aħjar, solidarjetà, u qsim tar-responsabbiltà rigward ir-refuġjati u l-immigranti fil-Baħar Mediterran. Madankollu saħqet li l-immigranti li jiġu salvati m’għandhomx jintbagħtu lura l-Libja.

Fi stqarrija, il-UNHCR qalet li l-ebda persuna m’għandha tintbagħat lura l-Libja wara li tkun ħarbet minn hemm u ġiet salvata fil-baħar, minħabba tħassib fuq id-drittijiet umani fil-pajjiż, il-kunflitt kontinwu li hemm għaddej, kundizzjonijiet mhux sanitarji u anke nuqqas ta’ spazju.

Minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli li qegħdin jaffaċċjaw il-pajjiżi madwar id-dinja minħabba l-imxija tal-coronavirus, il-protezzjoni tal-ħajjiet u d-drittijiet umani fundamentali għandhom jibqgħu fuq quddiem fit-teħid tad-deċiżjonijiet, saħqet l-Aġenzija. Insistiet li s-salvataġġ mill-baħar huwa obbligu skont il-liġi internazzjonali.

Issoktat tgħid li tħassib dwar is-saħħa pubblika jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ kwarantina, testijiet u miżuri oħrajn, iżda l-ħajjiet ma jistgħux ikomplu jitpoġġew f’periklu billi dgħajjes f’diffikultà jitħallew il-baħar. Il-UNHCR argumentat li port sigur għandu jiġi provdut mingħajr ebda dewmien, flimkien ma’ ftehim bejn l-istati biex l-immigranti jitqassmu fil-pajjiżi.

Żiedet tgħid li l-pajjiżi Mediterranji li jdaħħlu lill-immigranti għandu jkollhom lil pajjiżi oħrajn bħala spalla sabiex ikunu jistgħu jaqsmu r-responsabbiltà. Għaldaqstant, hija appellat għal solidarjetà akbar bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-pajjiżi li jilqgħu l-immigranti.

Din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo tenna l-appell ta’ Malta lill-Unjoni Ewropea għall-għajnuna. F’diskors li għamel, huwa enfasizza li Malta ma ħolqitx din l-istraġi u mhuwiex ġust li titħalla waħedha fil-kwistjoni, peress li ma tiflaħx għal numri kbar ta’ immigranti, ladarba diġà għandha popolazzjoni kbira għall-qies tagħha.

Dalgħodu l-Ministru kompla juri l-frustrazzjoni tiegħu bis-sitwazzjoni billi qal li l-Unjoni Ewropea ssibha faċli tikkundanna lil Malta, imma missha tgħin lil Malta minflok.

Easy to condemn us, try helping usWe asked our European Union friends to share the responsibility for the 57 irregular…

Posted by Evarist Bartolo on Friday, May 1, 2020