In-nies kellhom dritt jipprotestaw f’Novembru u Diċembru – L-Ispeaker

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li n-nies kellhom kull dritt jipprotestaw f’Novembru u Diċembru li għadda.

Qabel ma bdiet il-kriżi tal-coronavirus, Malta kienet qed taffaċċja kriżi politika li skattat f’Novembru. Nies qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat kienu qed jiġu akkużati b’involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-eks Ministru Chris Cardona kienu ssejħu d-depot, però ġew rilaxxati mingħajr akkużi. Ftit wara l-protesti, Muscat kien ħabbar li se jirreżenja.

F’diskors fl-okkażjoni tas-Sette Giugno, Anġlu Farrugia qal li seta’ kien hemm “komportament aktar matur” fid-dimostrazzjonijiet tal-2019.

“Ngħid mingħajr tlaqliq li dawn il‑persuni kellhom kull dritt li jagħmlu dawn il‑protesti, però bl‑istess konvinċiment nisħaq li ħadd m’għandu d‑dritt li waqt li qiegħed jipprotesta, huwa stess jikser il‑liġi fil‑konfront tal‑istituzzjoni tad‑demokrazija parlamentari. Kif kulħadd jaf, il‑Membri Parlamentari, ir‑rappreżentanti tal‑poplu tagħna, li ġew eletti demokratikament mill‑istess poplu, għandhom jiġu protetti fil‑qadi ta’ dmirijiethom; allura kien għalhekk li s‑Sedja f’diversi okkażjonijiet ħasset il‑ħtieġa li tieħu dawk il‑miżuri li jidhrilha opportuni biex tipproteġi lid‑Deputati kollha taż‑żewġ naħat tal‑Kamra,” qal Anġlu Farrugia.

Allega li kien hemm okkażjonijiet fejn persuni, waqt li kienu qed jipprotestaw quddiem il‑Parlament, “wettqu reati fil‑konfront ta’ Membri Parlamentari u anke kkawżaw ħsara fuq il‑vetturi ta’ diversi minn dawn il‑Membri.”

“Kien hemm okkażjonijiet ukoll fejn kienet kostretta li ma tħallix persuni jidħlu fil‑bini tal‑Parlament u dan biex tikkontrolla t‑tensjoni u tassigura li x‑xogħol fil‑Kamra jkompli għaddej mingħajr xkiel. Nistqarr illi dawn mhux dejjem kienu deċiżjonijiet faċli, iżda nemmen li ċ‑ċirkostanzi nneċessitaw it‑teħid ta’ tali deċiżjonijiet,” qal l-Ispeaker.

Kompla jgħid li ma kienx hemm ftehim bejn iż-żewġ naħat tal-kamra biex jittieħdu “l-prekawzjonijiet kollha neċessarji.”

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ġie ppreżentat b’pubblikazzjoni ġdida ta’ Fr Raymond  Gatt OP, bit-tema ‘Il-Knisja u s-Sette Giugno’ f’lejlet iċ-ċelebrazzjoni tal-101 sena ta’ kommemorazzjoni tas-Sette Giugno.