In-nies jinġabru fil-bajja malli jagħlqu l-bars fil-11pm

Azzjoni mmedjata tal-pulizija biex tferrex lin-nies

Read in English.

Rapporti li dehru fuq media soċjali ġabu rabja hekk kif numru ta’ persuna sabu mezz alternattiv kif jibqgħu jgawdu l-kumpanija ta’ xulxin wara li għalqu l-bars fil-11pm skont l-aħħar avviz legali maħruġ mill-Ministeru għas-Saħħa. Ritratti juru miġemgħa ta’ nies li nġabru fuq il-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan preżumibbilment wara l-11pm.

Fuq mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Pulizija qal li mal-ewwel indikazzjoni li fil-bajja ta’ San Ġorġ inġabret folla nies, il-Pulizija niżlet marret fuq il-post.

Jidher li l-persuni ma ġewx imħarrka hekk kif fiċ-ċirkostanzi kien deċiż mill-pulizija li l-iktar azzjoni meħtieġa f’dak il-mument kienet li kemm jista’ jkun malajr dik il-folla tinxtered u hekk sar bl-azzjoni f’waqtha min-naħa tal-pulizija.

Numru ta’ pulizija baqgħu fuq il-post jaraw li l-istess persuni, jew oħrajn, ma jerġgħux jinġabru.

Fl-istess ħin, pulizija oħra kienu qed jagħmlu rondi madwar San Ġiljan kollu. F’San Ġiljan saru wkoll numru ta’ spezzjonijiet fuq stabbilimenti u jirriżulta li r-regoli l-ġodda kienu osservati.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri wkoll qal li hu “irrabjat għall-mewt” b’din is-sitwazzjoni. Qal, iżda, li ma jridx li xi ħaġa bħal din ixxekkel il-ħidma siewja li qed titwettaq mill-pulizija.

Dan il-weekend, flimkien ma’ entitajiet oħra, il-Pulizija qed tieħu diversi inizjattivi ta’ infurzar mhux biss f’San Ġiljan.

Intant, minn informazzjoni li kiseb Newsbook jidher li diversi bars qalbu għal ristoranti wara l-11pm biex iduru mad-direttiva tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika u jibqgħu miftuħin.

Tal-inqas kien hemm klabb imfittex f’San Ġiljan li f’daqqa waħda beda jirreklama ruħu bħala ristorant.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi f’kitba fuq Facebook qal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tagħti permessi temporanji lill-bars sabiex ikunu jistgħu jibqgħu joperaw wara l-11pm.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li mhux vera li l-bars qegħdin jingħataw liċenzja temporanja bħala ristoranti.