“In-nies jiġġudikaw malajr wisq” – Karl

Wieħed mill-parteċipanti fil-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta ħalla messaġġ fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook fejn qal li kien qiegħed jagħmel dik il-kitba għax jinsab qalbu maqsuma u li fl-aħħar ġranet ftit li xejn raqad tajjeb.

Kollox beda ftit tal-ġranet ilu wara li hu għadda għat-tielet live show ta’ X Factor Malta u kien hemm bosta battibekki fuq il-midja soċjali.

“Rajt kummenti ta ‘nies li qalu li għandi attitudni ħażina,” igħid parti mill-messaġġ tiegħu.

Hu kompla jikteb li “In-nies jiġġudikaw malajr wisq, jiġġudikaw dak li jaraw, jiġġudikaw lil xi ħadd li ma jafux!”

Fl-istess messaġġ Karl tella’ ritratt tiegħu meta kien għadu iżgħar fl-età u qal li huwa l-istess tifel li kien joħlom li l-vuċi tiegħu kienet se twasslu f’ħafna postijiet u li dejjem xtaq li jagħmel lil Malta kburija bih.

Schembri, li huwa wkoll futboler, saħaq li huwa għandu qalbu tad-deheb u li huwa bniedem edukat.

“M’iniex dak li tara għal żewġ minuti fuq it-televiżjoni tiegħek jew dak li l-midja trid li nkun,” iddikjara hu.

Ritratt: Facebook/KarlSchembri

It-tielet live show ta’ X Factor Malta se jittella’ ‘l Ħadd li ġej fl-MFCC f’Ta’ Qali b’xandira diretta fuq TVM. Għall-biljetti tistgħu tidħlu fis-sit showshappening.com

Permezz ta’ Newsbook Lifestyle għal kull live show qed jintrebħu bosta biljetti. Għal aktar dettalji idħol hawn.