“In-nies imbeżżgħa milli jista’ jiġri” – Kummissjoni Ambjent

Miguela Xuereb

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qalet li n-nies jinsabu mbeżżgħa milli jista’ jiġri fir-rigward tal-kostruzzjoni, u li jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet siewja. Qalet li tittama li r-regolamenti proposti dwar il-kostruzzjoni mhumiex tentattiv populist biex jimpressjonaw lill-pubbliku. Dan qalitu bħala l-kontribuzzjoni tagħha għall-konsultazzjoni pubblika li fetħet nhar it-Tnejn li għadda u għalqet ilbieraħ.

Aqra: Regolamenti Skavar: Ippubblikati għall-konsultazzjoni

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Ambjent ressqet xi proposti u argumentat li għandu jiġi żgurat li dawk kollha involuti fil-proċess tal-kostruzzjoni jingħataw responsabbiltajiet li huma kapaċi jġorru, u li huma kwalifikati jew imħarrġin għalihom.

Il-Kummissjoni qalet li temmen li għandu jinħoloq reġistru pubbliku li jkun fih lista tal-ħaddiema kollha fl-industrija tal-kostruzzjoni li jkunu kwalifikati biex jagħtu s-servizz tagħhom. Reġistru bħal dan, qalet il-Kummissjoni, ikun disponibbli għall-ispezzjoni tal-pubbliku u jkun jista’ jintuża minn kull min ikun jeħtieġ.

Aqra: Mhux eskluż strajk tal-periti jekk il-Gvern joħroġ l-avviż legali

Il-Kummissjoni Ambjent proponiet kampanja ta’ informazzjoni għall-pubbliku ġenerali, sabiex dan ikun infurmat dwar ir-responsabbiltajiet ta’ kull irwol fil-proċess tal-kostruzzjoni.

Apparti dan, il-Kummissjoni wriet it-tħassib tagħha dwar il-perjodu tal-konsultazzjoni, u ħeġġet li tiġġedded id-data ta’ skadenza, sabiex il-pubbliku u dawk involuti jkunu jistgħu jikkontribwixxu. Ikkummentat li perjodu qasir bħal dan iqajjem mistoqsijiet dwar l-effettività tal-bidliet proposti.

Aqra: Filmati u Ritratti: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent innutat ukoll li l-awtoritajiet u l-iżviluppaturi saru bħallikieku kelliema għal xulxin. Hija fakkret kif tul is-snin, hija ħeġġet lill-awtoritajiet jintervjenu u jipproteġu l-interessi u l-benessri taċ-ċittadini.