Aġġornata: Simon Schembri jagħmel kuraġġ lill-pulizija

Simon Schembri ħeġġeġ lill-pulizija l-oħra biex iżommu l-wegħda li għamlu meta daħlu fil-korp, minkejja li mhux dejjem jiġu apprezzati u stmati.

Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-uffiċjal tal-pulizija għall-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ li baqa’ dieħel fih u kaxkru għal diversi metri f’hit and run xi xhur ilu, li kkawżalu biex jitlef idu.

F’messaġġ lill-kollegi tiegħu, huwa qalilhom li mumenti bħal dawn għandhom iqawwu qalb il-pulizija biex jaħdem aktar, minflok biex jaqta’ qalbu.

Ghaziz kollega fil korp, Ahna hlifna solennement li nkunu tassew fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta…

Posted by Simon Schembri Blue Light Foundation on Saturday, September 29, 2018

L-Ispettur u l-President tal-Police Officers’ Union (POU) Sandro Camilleri, qal fuq Facebook li rċieva diversi telefonati u messaġġi ta’ nies iddiċpjaċuti dwar id-deċiżjoni tal-qorti li ż-żagħżugħ li tajjar u kaxkar pulizija tat-traffiku ngħata l-ħelsien mill-arrest.

Camilleri sostna li l-pulizija mhux qed jiġu stmati. Fakkar ukoll li għalkemm persuna tibqa’ tiġi preżunta innoċenti sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-gravità tal-każ u l-fatti kif inhuma kellhom jittieħdu kollha inkonsiderazzjoni.

L-ispettur Camilleri spjega li din id-deċiżjoni ma tistax tiġi appellata.

Camilleri għalaq din il-post billi qal, “Komplu sawtuna u weġġgħuna għax hekk ħaqqna.”