Aġġornata: ‘In-nies ħdejja jiġbdu l-filmati u jien ngħajjat għall-ajjut’ – mara f’Wied iż-Żurrieq

Read in English.

Mara li flimkien mar-raġel tagħha spiċċaw tkaxkru ‘l baħar f’Wied iż-Żurrieq minħabba mewġa qalet li n-nies li kienu ħdejha kienu qed jiġbdu l-filmati filwaqt li hi kienet qed tgħajjat għall-ajjut. Huma kienu fuq btala f’Malta.

X’ġara dakinhar?

Koppja mill-Iskozja qalet li b’xorti tajba għadhom ħajjin wara li mewġa tefgħethom ‘il barra mill-bajja li kienu fiha f’Wied iż-Żurrieq.

John u Gail Kelly tkellmu mad-Daily Record fl-Iskozja u qalu li fit-28 ta’ Lulju kienu fuq bajja f’Wied iż-Żurrieq fejn f’salt minnhom il-btala tagħhom inbidlet f’diżastru. Dan meta mewġa li ma jafux minn fejn ġiet niżlithom mill-blata li kienu fuqha u tefgħethom fil-baħar. Skont id-Daily Record l-inċident seħħ fil-qawra, però raġel li kien fuq il-post qal ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ f’Wied iż-Żurrieq.

Il-koppja qalet li dak il-ħin ħasbu li kienu se jmutu.

Filli fuq blata; filli fil-baħar – Gail

Gail Kelly qalet li filli kienet fuq blata titkellem man-nies u filli minuta wara kienet qed tegħreq fil-baħar minħabba l-mewġa.

“In-nies kienu qed jippruvaw jikkalmawni, imma kont f’paniku peress li ma stajtx immur ħdejn John. Kien hemm nies li kienu hemm jiġbdu l-filmati filwaqt li jien kont qed ngħajjat għall-ajjut.”

John qal li l-mewġa bdiet tkaxkru lejn aktar blat u beda jgħajjat għall-għajnuna. John qal li hu wkoll daħal f’paniku u ħaseb li ma kienx se joħroġ minn hemm ħaj.

B’xorti tajba, żewġ persuni li kienu fuq il-post ħadu azzjoni mill-ewwel.

“Kont lest li nitkaxkar ‘il barra jew negħreq. Imbagħad rajt raġel jgħum lejja, qalli biex ngħum lejh u nevita l-blat, però jiena nbati bl-anġina u l-ażma, kont qed naqta’ n-nifs u kont f’paniku,” qal John.

“Però rnexxielu jikkalmani u għumt lejh. Eżatt wara kien hemm xi ħadd ieħor ħdejja u ħarġuni mill-baħar.”

Il-koppja tinsab grata li żewġ għawwiema tajbin inzertaw hemm.

Skont il-ġurnal, il-koppja ttieħdet b’urġenza l-isptar fejn qattgħu ħames sigħat. Issa marru lura d-dar. Ir-raġel reġa’ mar lura x-xogħol. Gail Kelly daqt se terġa’ tibda taħdem imma qed tbati biex torqod bil-lejl u allura se tkun qed titkellem ma’ tabib dwar it-trawma.

Il-koppja qalet li minkejja l-esperjenza qarsa, Malta jibqa’ jkollha post speċjali f’qalbha u ma jeskludux li jirritornaw.

Ir-raġel li salva lill-koppja jitkellem ma; Newsbook.com.mt

Ma’ Newsbook.com.mt, Jeffrey Schembri, ir-raġel li salva lill-koppja qal li l-ewwel salva lill-mara. Spjega li dakinhar kien hemm maltemp qawwi.

Qal li din kienet f’periklu kbir. Wara, reġa’ qabeż il-baħar u mar ħdejn John u rnexxielu jikkalmah. Beda jiġbdu u wara li waslu nofs triq, xi ħadd waddab tire. Imbagħad qabżu fil-baħar żewġ persuni – barrani u Malti – li offrew l-għajnuna tagħhom.

Schembri qal li ilu jaf il-baħar minn meta kien daqxejn ta’ tifel. Ġieli kienu jagħmlu sa xi sitt sigħat fl-ilma jekk mhux aktar.

Schembri qal li ma jafx min kien qed jiġbed il-filmati dak il-ħin. Però qal li kien hemm għadd ta’ barranin – aktarx grupp ta’ studenti – li fi kliem Schembri imnalla ma niżlux fil-baħar għax kien jinqala’ inċident akbar.