“In-nies għandhom raġun jibżgħu mill-coronavirus” – il-patologi

Miguela Xuereb

Il-Kulleġġ Malti tal-Patologi huwa mħasseb li l-pubbliku qed jingħata impressjoni li huwa mbeżża’ wisq mill-coronavirus u m’għandux ikun hekk. Il-patologi enfasizzaw li l-pubbliku għandu raġun jibża’, għaliex dan il-virus għadu ta’ theddida sinifikanti għall-popolazzjoni Maltija, u l-ikbar żball li nistgħu nagħmlu, qalu huma, huwa li ma niħduhx bis-serjetà.

Fi stqarrija, il-Kulleġġ Malti tal-Patologi qal illi bl-illaxkar tal-miżuri li se jidħol fis-seħħ minn għada, irridu noqogħdu attenti aktar minn qatt qabel sabiex il-virus ma jinxteridx, issa li se jkun hemm aktar nies barra jitħalltu. Huma enfasizzaw l-importanza li jintlibsu l-maskri, tinżamm id-distanza bejn in-nies u li n-nies jaħslu jdejhom ta’ sikwit.

Fuq ONE Television nhar il-Ħadd li għadda waqt intervista, il-Prim Ministru Robert Abela qal li n-nies m’għandhomx ibeżżgħu bit-tieni mewġa tal-coronavirus għax “il-mewġ fil-baħar qiegħed.” Huwa ħeġġeġ lin-nies biex imorru l-baħar u jgawdu. Il-vena ottimista tal-Prim Ministru tikkuntrasta ma’ dak li qegħdin iwissu esperti mediċi, fosthom l-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema tas-Saħħa, li qalet li Malta jaf qiegħda fil-bidu tat-tieni mewġa, minħabba l-każijiet dejjem jiżdiedu fl-aħħar jiem, u peress li l-R factor ilu ogħla minn 1 għal ġimgħa.

Il-Kulleġġ wera t-tħassib tiegħu fuq kif l-anzjani u nies vulnerabbli, kulma jmur, qegħdin isiru aktar iżolati, u dan qed iwassal għal kwistjonijiet sinifikanti ta’ saħħa mentali. Għaldaqstant, huwa appella lill-awtoritajiet biex jipprovdilhom struzzjonijiet ċari fuq kif jistgħu jintegraw fis-soċjetà mingħajr ma jieħdu riskji bla bżonn.

Huma tkellmu wkoll fuq il-fatt li ħafna problemi tas-saħħa importanti bħall-mard tal-qalb u l-kanċer mhumiex jingħataw l-attenzjoni xierqa. Appellaw lill-pubbliku biex jikseb l-għajnuna medika jekk ikollu xi sintomi partikolari: “Imbilli għandna pandemija ma jfissirx li l-mard l-ieħor sparixxa, u n-nies m’għandhomx jistennew sakemm tgħaddi l-pandemija biex jiksbu attenzjoni medika, għax dan jaf ikollu konsegwenzi serji.”

Il-patologi wrew l-apprezzament tagħhom lejn ix-xjentisti, partikolarment lejn dawk fil-laboratorju fejn isiru t-testijiet tal-coronavirus. Qalu li l-ħidma ta’ dawn in-nies kienet raġuni ewlenija għas-suċċess ta’ Malta fil-pandemija.

Il-Kulleġġ wissa li jekk in-nies ma jibqgħux jieħdu l-coronavirus bis-serjetà, se jkun hemm żieda qawwija fil-każijiet u anke aktar imwiet. Sar appell ukoll lill-ħaddiema tas-saħħa biex dawn jedukaw lin-nies fuq kif jintlibsu l-maskri fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, peress li ħafna mhumiex jilbsuhom kif suppost.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn