“In-nies għandhom għaliex jinkwetaw b’Facebook” – Avukat

L-Avukat Dr Michael Zammit Maempel stqarr li n-nies għandhom għalxiex jinkwetaw dwar Facebook, jekk jagħtu ħafna informazzjoni dwarhom, anke bir-ritratti.
Waqt intervista fil-programm Newsline fuq RTK 103FM, l-avukat ġie mistoqsi dwar l-iskandlu tal-kumpanija Ingliża Cambridge Analytica u l-involviment ta’ bejgħ ta’ informazzjoni minn Facebook.  
Fl-aħħar ġimgħat, kien whistleblower li spjega kif intużat it-teknoloġija biex tiġbor l-informazzjoni mill-profili ta’ Facebook, tifhem il-psikoloġija tal-persuni u timmanipulaha sabiex iġġiegħlhom jivvutaw lil xi partit partikolari. 
Dr Zammit Maempel irrimarka li meta wieħed jirċievi xi tip ta’ servizz b’xejn, speċjalment fejn tidħol il-midja soċjali, il-persuna ssir il-prodott ta’ min qed joffri s-servizz. 
“Anke meta persuna sempliċiment titfa’ ritratt ta’ platt spagetti”
Sostna li bħalissa l-poplu qed jgħix fi żmien fejn id-data personali hija ta’ valur kbir. Irrakkonta kif meta persuna sempliċiment titfa’ ritratt ta’ platt spagetti fuq Facebook, Facebook ikun jista’ jikkonkludi li din il-persuna ma tbatix miz-zokkor. 
“Jekk wieħed isiefer ħafna, u jaqsam dawn l-esperjenzi fuq Facebook, mela Facebook kapaċi jasal għall-konklużjoni li dan l-individwu jidher li għandu ammont sostanzjali ta’ flus”, żied jgħid. 
“Taħt it-18-il sena m’għandux ikollhom Facebook”
Insista li jekk wieħed ma jagħtix wisq informazzjoni dwaru, m’għandux għaliex jinkwieta. Għaldaqstant wissa li tfal taħt it-18-il sena m’għandhomx jitħallew jagħmlu profili fuq il-midja soċjali, filwaqt li ħadd m’għandu jtella’ ritratti ta’ tfal żgħar onlajn.
Dr Zammit Maempel spjega kif Facebook għandu l-kapaċità li jħalli kumpaniji jużawh sabiex jiksbu informazzjoni dwar individwi speċjalment f’każi meta persuni jintalbu jagħtu informazzjoni ‘“bażika” dwarhom sabiex jużaw xi karatteristiċi ta’ siti esterni minn Facebook, bħal meta wieħed iwieġeb xi servej onlajn.
“F’demokrazija m’hemmx lok għal manipulazzjoni ta’ data għal benefiċċju elettorali”
L-avukat irrimarka li jekk f’pajjiż li suppost huwa demokratiku wieħed jimmanipula l-informazzjoni dwar iċ-ċittadini, biex jikkonvinċihom jivvutaw mod u mhux ieħor, il-pajjiż ikun tilef kull skop tad-demokrazija.
Fil-każ speċifiku ta’ Cambridge Analytica, Facebook ta xi informazzjoni lil Professur li jaħdem fl-Università ta’ Cambridge, u l-istess professur għadda din l-informazzjoni lill-kumpanija Cambridge Analytica sabiex tintuża biex timmanipula r-riżultat tal-elezzjonijiet ġenerali ta’ numru ta’ pajjiżi.
Waqt l-intervista ssemmew ukoll l-aħbarijiet foloz, li ntużaw f’numru ta’ elezzjonijiet, speċifikament fi Srilanka fejn bdew jinxterdu artikli li jgħidu li kandidati kellhom relazzjonijiet sesswali skandalużi u għaldaqstant ħammġulhom ir-reputazzjoni sabiex il-poplu ma jivvutax għalihom.
Ritratt: ABC