In-nies bla saqaf fuq rashom żdiedu għax il-Gvern nesiehom – PN

Unsplash

Il-Partit Nazzjonalista qal li n-nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom kulma jmur qegħdin jiżdiedu għax il-Gvern nesiehom.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ mill-Viċi Kap tal-Partit David Agius u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, dawn qalu li mill-wegħda tal-Partit Laburista tal-2013 li l-faqar se jiġi eradikat, sal-lum, ħadd ma jista’ jinnega li l-affarijiet marru għall-agħar.

Ikkummentaw li, “Id-differenza bejn is-sinjur u l-fqir qiegħda dejjem tkompli tikber, il-homeless fit-toroq tagħna żdiedu, l-għajnuniet u l-foodbanks komplew jingħataw min-nies fil-komunità li mhumiex ilaħħqu mad-domanda.” Il-Partit Nazzjonalista qal li bi 83,000 persuna, dawk fir-riskju tal-faqar żdiedu tant li wasal għal 25% ta’ dawk li għandhom iżjed minn 65 sena u 50% tal-familji b’ġenituri li qegħdin f’dan ir-riskju.

Huwa staqsa lill-Gvern dwar x’inhu l-pjan għal dawk in-nies li qegħdin jew se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Staqsa meta se jinbnew xelters għal dawn il-familji, pensjonanti u ħaddiema.

Fl-istqarrija tagħhom, id-Deputati rreferew ukoll għar-raġel li nstab mejjet ġo karozza f’Birkirkara nhar il-Ħadd li għadda. Qalu li din il-mewt uriet li min hu fil-bżonn ta’ saqaf, tal-ikel u tal-bżonnijiet bażiċi oħrajn mhux qed isib l-għajnuna mistħoqqa mill-Gvern.

“Juri kemm il-Gvern li għandu l-obbligu jkun ta’ servizz għal kulħadd, qed ifalli lill-ħaddiem li jrid jipprovdi għalih u għal familtu, lil dik l-omm li trid tlaħħaq mal-ħajja waħedha, lit-tfal li għandhom kull dritt għal ħajja serena, lil dawk il-pensjonanti li l-pensjoni ta’ kull xahar mhix sservihom u jridu jagħżlu minn xiex se jkollhom joqogħdu nieqsa. Juri kemm dawn l-aħħar seba’ snin il-Gvern Laburista, flok lesta proġetti ta’ housing soċjali, flok bena u pprovda xelters u ħareġ b’miżuri soċjali li jilħqu lil kulhħadd, ħela ż-żmien prezzjuż li wassal għal iktar nies mwaħħlin fiċ-ċiklu tal-faqar.”

Il-Partit Nazzjonalista wiegħed li hu lest ikompli jaħdem sabiex min hu fil-bżonn ma jibqax waħdu mingħajr għajnuna.