In-newtralità ma tfissirx li tagħlaq għajnejk – Muscat

Google Maps

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li n-newtralità ma tfissirx li wieħed jagħlaq għajnejh u widnejh imma li wieħed jieħu l-aħjar deċiżjonijiet fl-ispirtu tal-klawżola tan-newtralità b’rabta mad-deċiżjoni tal-Gvern Malti li rrifjuta talba mir-Russja biex tuża’ l-airspace Maltija.

Dan qalu meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja.

Reċentament Malta rrifjutat talba mir-Russja biex tintuża’ l-airspace ta’ Malta biex itiru ajruplani militari tagħha mis-Sirja lejn il-Venezwela dan ix-xahar, skont BuzzFeed News. Skont BuzzFeed, din il-mossa ġiet ġimgħat wara li Malta approvat talba simili mir-Russja. Ajruplani militari Russi dehru fuq it-tarmak tal-ajruport tal-kapitali tal-Venezwela, Caracas. Bħalissa l-pajjiż qed jaffaċċja protesti u instabilità politika.

Muscat qal li d-deċiżjoni ttieħdet fl-aħjar interess ta’ Malta abbażi tal-informazzjoni li kellu l-pajjiż. Qal li t-titjiriet kienu sejrin mis-Sirja lejn il-Venezwela. Qal li kien hemm talba oħra li ġiet irtirata li kienet dwar vapur tal-gwerra tar-Russja li seta’ kien sejjer fl-istess traġettorja. Qal li n-newtralità tfisser li wieħed jieħu l-aħjar deċiżjonijiet fl-ispirtu tal-klawżola tan-newtralità u b’sens ta’ solidarjetà.

Maria Zakharova, il-Kelliema għall-Ministeru Russu tal-Affarijiet Barranin, qalet li d-deċiżjoni ta’ Malta li ma tħallix ajruplani militari Russi jtiru fl-ispazju tal-ajru Malti fl-4 t’April kellha konnotazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ħbiberija. Żiedet tgħid li r-Russi se jikkunsidraw dan l-aġir fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom ma’ Malta.