In-Neverland Ranch ta’ Michael Jackson għadha għall-bejgħ wara 10 snin minn mewtu; tiswa €26.8m

Id-dar estravaganti ta’ Michael Jackson għadha għal bejgħ 10 snin wara mewtu fejn qed tintalab għaliha s-somma ta’ €26.80 miljun.

In-Neverland Ranch, l-isem tad-dar, dan l-aħħar niżlet fil-prezz għax għal bidu riedu €87 miljun fl-2015 meta poġġiet fis-suq għall-bejgħ għall-ewwel darba. Il-proprjetà qiegħda fuq biċċa art li tkopri mat-92 kilometri kwadri. Michael Jackson għex fil-post għal 15-il sena.

Meta l-kantant akkwista l-proprjetà l-isem propju tagħha kien Sycamore Valley Ranch imma hu taha l-isem ta’ Neverland fejn kien jgħix il-karattru fittizju ta’ Peter Pan li  Michael Jackson kien affaxxinat warajh.

Il-post, bil-ġonna u l-art ta’ madwaru, inbena fl-1982. Fih hemm sitt kmamar tas-sodda, kamra bis-swimming pool, ġonna kbar u anki zoo.

Michael Jackson kien ħalla l-kameras għall-filming jidħlu f’daru fl-2003 meta sar id-dokumentarju Living With Michael Jackson.